'Meta persuna dejjem tagħmel akkużi serji fuq kulħadd tibda tiddubita serjament il-kredibbilità tagħha' - Delia

Adrian Delia jgħid li hija ironika li Jason Azzopardi li qala' lilu biex idaħħal lil Bernard Grech issa reġa' spiċċa jattakka lill-Kap tal-PN

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li hija 'ironika' li l-istess persuna li qalgħet lilu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, issa qed tiftaħ il-kanuni fuq il-persuna li ħadmet għaliha biex tkun Kap tal-PN, jiġifieri Bernard Grech.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Adrian Delia wara li bħal-lum ġimgħa, l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, fetaħ il-kanuni fuq Bernard Grech u qal li sakemm dan idum Kap, ma jerġax jirritorna lejn il-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi dwar dan, Adrian Delia qal li hija 'ironika' li Azzopardi issa qed jispara wkoll kontra Bernard Grech li tant ħadem favurih fl-istess żmien li għamel kruċjata kontrih biex jitwarrab minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-eks Kap Nazzjonalista insista li qed jgħid dan mhux biex jipprova jgħatti l-problemi li hemm fil-PN. Fi kliemu, huwa minnu li fil-Partit Nazzjonalista u fl-Oppożizzjoni, hemm problemi bħalma hemm problemi fil-Gvern u fil-Partit Laburista.

"Forsi l-Oppożizzjoni inqas kapaċi taħbihom u inqas kapaċi timmaniġjahom internament u dik hija waħda mill-problemi li għandna," qal Delia.

Madanakollu qal li meta l-istess persuna (jiġifieri Azzopardi), dejjem toħroġ "b'akkużi serji fuq kulħadd" persuna tibda tiddubita "serjament" il-kredibbilità tagħha. Fi kliemu, kulħadd jagħmel il-ġudizzju tiegħu.

L-intervista sħiħa ma' Adrian Delia u l-probemi tat-traffiku u t-trasport, se tkun ippubblikata għada fuq il-gazzetta ILLUM.

Agħfas hawn biex taqra aktar dwar dak li qal Jason Azzopardi bħal-lum ġimgħa.

More in Politika