'Warrab għax inti mażżra u piż fuq il-partit' - Jason Azzopardi jiżvela kif it-tmexxija tal-PN tagħtu l-ġenb

L-eks Deputat Nazzjonalista jisħaq li kemm idum imexxi il-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, hu ma jirritornax u jgħid li l-verdett fuq Grech 'mhuwiex pożittiv'

F'intervista pjuttost skjaċċanti l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fetħilha fuq kif hu ġie mogħti l-ġenb mill-partit u saħansitra mitlub iwarrab għax intqal lilu minn persuna li kienet parti mit-tim ta' strateġija tal-partit illi huwa "mażżra" u "piż" fuq il-PN. 

Mistoqsi mill-preżentatur u xandar Andrew Azzopardi dalgħodu l-eks Deputat Nazzjonalista qal li kien ilu jinnota kif it-tmexxija tal-partit kienet qed tipprova twarrbu u ta rakkont kronoloġiku ta' ġrajjiet li fihom jgħid illi kien ċar li beda jingħata l-ġenb. Huwa jibda billi jsemmi programm fuq ix-xandir nazzjonali li fuqu l-eks Ministru Carmelo Abela kien akkużah li qiegħed fis-sodda mal-kriminali. Jisħaq illi d-Deputat Mark Anthony Sammut - preżenti waqt il-programm ukoll - "ma lissinx kelma waħda ta' difiża", xi ħaġa li jgħid illi Nazzjonalisti veri u ġenwini jagħmlu, jiġifieri jiddefendu lil xulxin. Iżda huwa pront neħħa t-tort minn fuq Sammut u qal li wara sar jaf li kien xi ħadd mill-partit - li jgħid illi jaf min hu -  li ta ordni sabiex jekk iqum is-suġġett dwaru ma ssirx difiża għalih. 

Huwa kompla jgħid li ftit żmien wara kienet marret persuna d-dar tiegħu u qallu hekk: "Warrab għax inti piż u mażżra fuq il-partit. Malli titlaq nirbħu 15,000 vot, hekk..." Azzopardi esprima r-rabja u d-diżappunt għal dan l-episodju u lejn il-persuna li kellimtu, li qal illi kienet parti mill-Grupp ta' Srateġija tal-PN, iżda li ma semmihx b'ismu.

Huwa qal ukoll li meta kien mhedded minn George Degiorgio fil-Qorti, quddiem in-nies kien irċieva ħemel ta' messaġġi, mhux l-inqas mill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u anke minn Deputati u persuni fil-Partit Laburista. L-unika persuna li ma għadditlux kelma ta' kuraġġ jew appoġġ kien il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Jgħid ukoll li għal bosta xhur huwa qatt ma kien mistieden fuq il-midja tal-partit. 

Għalhekk Azzopardi jdawwar il-kanuni fuq Grech u jgħid li dan darba kien qal lilu u lil persuni oħrajn li kienu ilhom fil-PN, hekk: "Intom tħarsu 'l isfel lejja... imma l-ġodda iħarsu 'l fuq." Huwa sostna - waqt dan il-programm radjofoniku - illi meta Grech qal dan il-kliem fehem għaliex hu u nies oħra kienu qed jiġu mwarrba. 

Azzopardi - li ma ninsewx illi kien immilita biex l-istess Grech isir Kap tal-PN - sostna illi sakemm il-PN jibqa' mmexxi minn Bernard Grech huwa ma jirritornax lura f'dan il-partit. "Sakemm ikollna Kap bħal Eddie Fenech Adami, Simon Busuttil, Lawrence Gonzi ma nidħolx lura fil-PN." 

Huwa temm jisħaq li l-pajjiż mhux partit ġdid għandu bżonn, iżda PN msaħħaħ, li jaħdem għas-sewwa, li mhuwiex kompromess, li jilqa' lil kulħadd u li huwa kredibbli. 

"Il-verdett fuq Bernard Grech mhuwiex pożittiv," saħaq l-eks Deputat u avukat Jason Azzopardi. 

More in Politika