Salvata aktar minn 100 sena ta' storja; Ikkanċellat l-iżgumbrament tal-Banda Stella Maris
Hu mifhum li ntlaħaq qbil bejn il-Gvern u s-sidien biex dawn tal-aħħar jitilqu l-binja minn taħt idhom u għalhekk il-binja tkun tista' tibqa' tintuża bħala każin tas-Soċjetà Filarmonika Stella Maris
minn Yendrick Cioffi
Is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta' Tas-Sliema ġiet salvata mill-iżgumbrament sigħat biss qabel dan kellu jidħol fis-seħħ.
Ħabbret dan l-istess Soċjetà Filarmonika fuq Facebook li rringrazzjat lil dawk kollha li wrew solidarjetà magħha matul l-aħħar jiem.
Il-President tas-Soċjetà, il-Ministru Michael Falzon, ikkonferma ma' dan is-sit li ntlaħaq qbil bejn il-partijiet kollha wara offerta li għamel il-Gvern lis-sidien.
Sorsi viċin il-ftehim ikkonfermaw mas-sit illum.com.mt li s-sidien, li oriġinarjament kienu qed jitolbu €1.8 miljun, qablu li jieħdu €450,000 għall-erba' snin ċens li fadlilhom fuq din il-binja.
Hekk huma se jkunu qed jitilqu kompletament minn idhom din il-binja u eventwalment il-Gvern ikun jista' jikri hu l-proprjetà lis-Soċjetà Filarmonika.
Il-ftehim formali bejn il-Gvern u s-sidien mistenni jkun iffirmat fil-jiem li ġejjin.
L-iżgumbrament kellu jseħħ illum fid-9:30am u dan wara ġlieda legali li kienet ilha għaddeja is-snin bejn is-sidien u anke l-istess Soċjetà.
Is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ilha mill-1920 f’din il-proprjetà. Is-sidien kisbu din il-proprjetà b’ċens li jmur lura għall-1876 u jiskadi fl-2026. Kien propju għax iċ-ċens tant jiskadi li s-Soċjetà Filarmonika kienet qed takkuża lis-sidien b'rebgħa għax dehru li kienu se jibqgħu jwebbsu rashom minkejja l-offerti li bdew isirulhom biex jitilqu l-binja minn taħt isimhom.
Is-sid dirett ta’ din il-proprjetà huwa l-Joint Office li twaqqaf fl-1990 biex jamministra dawk il-proprjetajiet li jkunu trasferiti lill-Gvern mill-Knisja.
Is-sidien ilhom 12-il sena jitolbu l-iżgumbrament u dan għax ma qablux li Soċjetà Filarmonika Stella Maris twettaq xogħlijiet strutturali mingħajr il-kunsens tagħhom. Madanakollu, it-tweġiba tal-każin kienet li x-xogħlijiet li saru kienu neċessarji u kienu jinkludu manutenzjoni.
Fl-2017, il-Bord tal-Kera kien ċaħad it-talba tas-sidien iżda dawn minnufih appellaw.
Sadanittant, il-gazzetta ILLUM kienet ħarġet storja turi li madwar 23 każin tal-banda jistgħu jiffaċċjaw ir-riskju tal-iżgumbrar u dan wara li anke s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid kienet se tispiżża barra għax mhijiex sidt tal-każin li tuża bħala sede.
Anke jekk il-maġġoranza tal-każini huma protetti bil-liġi, minħabba li l-kirja tagħhom hija ta’ qabel l-1995, is-sidien jistgħu jagħmlu argumenti legali oħra, biex il-każini jkollhom jiżgumbraw. Fil-fatt, fil-każ tal-każin De Paule u anke dak ta’ Stella Maris, l-argument tas-sidien kien idur ma’ xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tagħhom.
Fil-fatt, meta l-każin De Paule kien se jispiċċa żgumbrat, il-Ministeru għall-Kultura, dak iż-żmien immexxi minn Owen Bonnici, kien ħareġ b’emenda biex jipproteġi lill-każini tal-banda mill-iżgumbrament, liema liġi ma niżlet tajjeb xejn ma’ sidien, inkluż dawk tal-binja tal-każin Stella Maris. Fil-fatt, dawk ta' Stella Maris kienu salvati bi żbrixx hekk kif mhux l-ewwel darba li kienu se jispiċċaw 'il barra.
Huma ħadu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u f’Jannar li għadda, l-istess liġi kienet iddikjarata li tikser il-Kostituzzjoni u dan reġa’ f’poġġa f’riskju lil ta’ Stella Maris.
Ta’ min ifakkar li minħabba dan, il-Gvern kien ħabbar skema li permezz tagħha se jkun qed jixtri dawk il-proprjetajiet li huma mikrija bħala każini tal-banda u għal dan il-għan se jkun qed jintuża l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, jiġifieri flus li ġejjin mill-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment u anke l-kumpanija Malita Investments.
Meta l-binja tinxtara, dejjem jekk ikunu jridu s-sidien, il-Gvern isir is-sid u jibda jikri hu l-binjiet, lis-soċjetajiet mużikali, iżda bi prezz issussidjat. L-għan huwa li l-Gvern iserraħ ras il-każini tal-banda u anke ssir ġustizzja mas-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.