Dalwaqt il-Gvern se jiffirma l-ewwel konvenji biex jixtri każini tal-banda f’riskju ta’ żgumbrar

Il-Ministru Josè Herrera jikkonferma mal-ILLUM li diversi sidien ta’ binjiet mikrija lil soċjetajiet mużikali wrew interess fl-iskema u l-Gvern jinsab fi stadju avvanzat fin-negozjati dwar diversi każini fosthom dak tad-De Paule ta’ Raħal Ġdid

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera, żvela mal-gazzetta ILLUM kif fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jiffirma l-ewwel konvenji biex isir hu s-sid ta’ binjiet li ilhom snin mikrija lil soċjetajiet mużikali bħala każini tal-banda u li minħabba deċiżjonijiet tal-Qorti, jinsabu f’riskju li jiġu żgumbrati.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru saħaq li minn meta fetħet is-sejħa, kienu diversi dawk is-sidien li ressqu ‘l quddiem u wrew ix-xewqa li jbiegħu s-sehem tagħhom f’proprjetajiet mikrija bħala każini tal-banda. Fost dawn hemm is-sidien tal-binja mikrija lis-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid. 

X’inhu l-kuntest li wassal għal dan?

Fil-fatt kienet il-gazzetta ILLUM li bdiet issegwi s-sitwazzjoni ta’ dawn il-każini wara li fl-2018, il-każin tal-Banda De Paul kien se jispiċċa fit-triq, wara deċiżjoni tal-Qorti. Fil-fatt, l-ILLUM kienet sabet xejn inqas minn 23 każin li setgħu, xi darba jew oħra, jispiċċaw b’każi simili, għax mhumiex sidien tal-proprjetà li jużgħu bħala każin.

Anke jekk il-maġġoranza tal-każini huma protetti bil-liġi, minħabba li l-kirja tagħhom hija ta’ qabel l-1995, is-sidien jistgħu jagħmlu argumenti legali oħra, biex il-każini jkollhom jiżgumbraw. Fil-fatt, fil-każ tal-każin De Paule, l-argument tas-sidien kien idur ma’ xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tagħhom. 

Fil-fatt, meta dan il-każin kien se jispiċċa żgumbrat, il-Ministeru għall-Kultura, dak iż-żmien immexxi minn Owen Bonnici, kien ħareġ b’emenda biex jipproteġi lill-każini tal-banda mill-iżgumbrament, liema liġi, f’Jannar li għadda, kienet iddikjarata li tikser il-Kostituzzjoni. Minħabba f’hekk, każin ieħor, din id-darba dak ta’ Stella Maris ta’ Tas-Sliema, jinsab mhedded.

Deċiżjonijiet bħal dawn, inkluż tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jwasslu biex is-sidien jgħollu l-kera kemm iridu jew saħansitra jiżgumbraw il-każini tal-banda.

X’inhi l-iskema?

Minħabba dan, il-Gvern kien ħabbar skema li permezz tagħha se jkun qed jixtri dawk il-proprjetajiet li huma mikriija bħala każini tal-banda u għal dan il-għan se jkun qed jintuża l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, jiġifieri flus li ġejjin mill-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment u anke l-kumpanija Malita Investments.

Il-Ministru José Herrera
Il-Ministru José Herrera

Meta l-binja tinxtara, dejjem jekk ikunu jridu s-sidien, il-Gvern isir is-sid u jibda jikri hu l-binjiet, lis-soċjetajiet mużikali, iżda bi prezz issussidjat. L-għan huwa li l-Gvern iserraħ ras il-każini tal-banda u anke ssir ġustizzja mas-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.

Minn ftit eluf għal miljuni ... tliet periti għamlu valutazzjoni ta’ dawn il-binjiet

“Hemm 23 każin li jinsabu f’qagħda prekarja. Ma stajnix ma nagħmlu xejn,” saħaq il-Ministru Herrera. 

Apparti minn hekk, kompla jispjega l-Ministru, twaqqaf kumitat biex jinnegozja x-xiri. Dan għandu rappreżentanza mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u anke mill-Ministeru responsabbli mill-IIP, fost oħrajn.

“La jiena u lanqas is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ma ridna nkunu involuti direttament biex ikun hemm trasparenza,” insista Herrera.

Madanakollu, anke biex dan il-Kumitat ikun jaf kemm u kif se jinnegozja, il-Ministeru għall-Patrimonju Nazzjonali u l-Arti ħareġ tender u għażel it-tliet periti li applikaw biex jagħmlu valutazzjoni ta’ dawn il-każini.

“Damu madwar tmien xhur għaddejin b’dan ix-xogħol għax mhux faċli. Għamlu stima ta’ kemm jiswew dawn il-każini,” saħaq il-Ministru. Spjega li nħoloq bilanċ bejn il-valur li dawn il-binjiet għandhom fis-suq imma ttieħed ukoll inkonsiderazzjoni l-fatt li l-Gvern mhux se jixtri dawn il-properjatajiet vojta, imma bl-inkwilini fihom, f’dan il-każ is-soċjetajiet mużikali. “Ridna noħorġu b’valur ġust.”

Mistoqsi kemm hu dan il-valur, il-Ministru saħaq li hemm każini li jiswew ftit eluf u oħrajn li jiswew miljuni, b’mod partikolari ż-żewġ każini tal-Belt Valletta, li jinsabu fi Triq ir-Repubblika.

Wara li ntemm dan il-proċess, inħarġet is-sejħa biex sidien li kienu interessanti li jbiegħu dawn il-proprjetajiet, ikunu jistgħu jersqu ‘l quddiem. Huwa dan il-Kumitat li issa huwa responsabbli min-negozjati.

X’jiġri jekk ikun hemm sidien li ma jaqblux bejniethom?

Iżda l-ILLUM tfakkar il-Ministru li hemm każini li għandhom għexieren ta’ sidien, minħabba  kwistjonijiet ta’ wirt. Uħud minn dawn jistgħu jkunu qed jgħixu barra. X’se jiġri jekk ikun hemm sidien ta’ binja li juru interess fl-iskema u oħrajn li ma jkunux iridu?

Il-Ministru saħaq kif f’dan il-każ, il-Gvern huwa lest li jixtri sehem jew ishma.

“Bil-liġi kif inhi, jekk inti tixtri sehem, permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji tista’ tinforza l-bejgħ tal-ishma l-oħra,” spjega l-Ministru Herrera. 

Interess kien hemm... hemm negozjati li jinsabu fi stadju avvanzat

Mistoqsi kemm ressqu sidien ‘il quddiem, il-Ministru saħaq li kien hemm interess iżda fakkar ukoll li hemm numru ta’ każi pendenti quddiem il-Qorti.

Kien hawn li żvela li s-sidien tal-każin De Paule, li minnu bdiet din il-kwistjoni kollha, huma interessanti f’din l-iskema.

Ovvjament hemm oħrajn li għadhom ma wrewx interess jew ma jridux u oħrajn li għadhom qed jaħsbuha.

“L-interess imma huwa wieħed tajjeb ħafna. Għad hemm sidien li għadhom qed jersqu,” insista. “Kien hemm min ma xtaqx ibiegħ u meta ra l-interess, resaq ‘il quddiem.”

Fakkar li s-sejħa ta’ interess mhux se tagħlaq u se tibqa’ miftuħa. 

“Aħna ma rridux nisforzaw lis-sidien. Aħna rridu lis-sidien jersqu għax vera jemmnu li dik il-binja, bħala każin, għandha importanza soċjali u kulturali għall-komunitajiet tagħna,” kompla jisħaq. “Hemm negozjati li jinsabu fi stadju avvanzat, anke għax il-prezz mitlub huwa simili għall-istimi li saru mill-periti u hemm każi oħrajn fejn fil-ġimgħat li ġejjin nistgħu saħansitra niffirmaw l-ewwel konvenji.”

‘Hemm biżżejjed fondi allokati biex nixtruhom kollha’

Fakkar biss li l-Gvern qed jixtri u għalhekk il-proċess mhuwiex faċli. Hemm verifiki li jridu jsiru, anke dwar mingħand min se jkun qiegħed jixtri.

“Qed nitkellmu fuq miljuni ta’ ewro. Nifhem l-urġenza imma rridu nagħmlu kollox fl-aħjar interess anke tal-pajjiż,” tenna. “Imma ġejna allokati biżżejjed fondi biex nixtruhom kollha.”

‘L-ebda każin mhu se jispiċċa żgumbrat’

L-ILLUM tfakkar li l-pandemija naqqset ħafna d-dħul tal-każini. Staqsiet lill-Ministru jekk hemmx każini li se jispiċċaw ma jlaħħqux mal-ħlas tal-kera u jispiċċaw żgumbrati qabel jintemm dan il-proċess.

“S’issa ma jidhirx li dan huwa l-każ,” kompla l-Ministru. 

Saħaq li jekk il-Gvern ma jirnexxilux jixtri xi każini b’din l-iskema, se jħares lejn soluzzjonijiet oħra. 

“Aħna determinati li ma nħallu lil ħadd barra,” temm jisħaq Herrera. 

More in Politika