Ta' San Gejtanu salvati mill-iżgumbrament iżda l-Istat ordnat iħallas kumpens lis-sidien
Każin ieħor li kien f'riskju li jispiċċa żgumbrat iżda għalissa l-Qorti Kostituzzjonali salvatu
minn Yendrick Cioffi
Il-familja li hija s-sid tal-binja li tintuża mill-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun bħala każin, ingħataw kumpens ta’ €510,000 mill-Istat wara li l-liġi tal-kera kif inhi, li permezz tagħha la jistgħu jtemmu u lanqas iżidu l-kirja, kienet iddikjarata li tikser id-drittijiet tagħhom.
Il-proprjetà hija 96 sena tintuża mill-Għaqda Mużikali San Gejtanu iżda s-sidien tagħha huma l-eredi tal-Barunessa Marie Christian Ramsay Pergola li wirtet l-istess binja mill-Markiż Giovanni Scicluna.
Skont il-kuntratt, iffirmat fl-1926, il-binja bdiet tinkera minn Francesco Portanier lill-banda San Gejtanu għal perjodu ta’ tmien snin u kellhom iħallsu €279.52 fis-sena, dak iż-żmien 120 lira Maltija.
Meta dan il-kuntratt skada, fil-31 ta’ Awwissu 1942, il-każin talab li l-kirja tiegħu tkun imġedda taħt it-termini tal-Ordinanza għall-Kiri mill-ġdid ta’ Proprjetà Urbana li daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-1931.
Madanakollu, is-sidien tal-binja ilhom snin jargumentaw li minħabba l-liġi kif inhi, il-kirja hija ċuċata. Sa qabel l-2014, il-każin kien qed iħallas €361.32 fis-sena. Il-każin tal-banda, offra €945.75 fis-sena skont l-Avviż Legali tal-2014 li rregola l-kirjiet tal-każini. Sal-2015, il-każin kien qed iħallas €1,307.07 fis-sena.
Fl-2016, il-proprjetà kienet stmata li tiswa’ €2 miljuni, bis-sidien u l-periti tagħhom jisħqu li dan ifisser li l-kirja li qed iħallas il-każin hija biss 0.06% tal-valur tal-proprjetà.
Ta’ min ifakkar ukoll li emendi fil-Kodiċi Ċivili li daħlu fis-seħħ fl-2009, li kienu jagħtu xi protezzjoni lis-sidien ta’ binjiet kummerċjali, ma kinux japplikaw għal każini li jintuża għal skopijiet mużikali, soċjali, politiċi, sportivi jew filantropiċi.
Iżda s-sidien ta’ din il-binja dejjem saħqu li dan jikser id-dritt tagħhom li jgawdu l-proprjetà li tagħha huma sidien u kien għalhekk li bdew battalja legali kontra l-Istat, jakkużawx li qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-Istat dejjem saħaq li kemm il-kuntratt oriġinali u anke dak li ġedded il-kera, saru mis-sidien (ta’ dak iż-żmien) skont ir-rieda tagħhom u ħadd ma kien sfurzat jagħmel dan. Insista wkoll li l-kirjiet tal-każini tal-banda huma protetti bil-liġi minħabba l-irwol soċjali u kulturali li huma għandhom.
Fid-deiċżjoni tagħha, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabet li huwa minnu li d-drittijiet tas-sidien ġew miksura u insistiet li għandu jkun hemm bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u anke dawk individwali meta l-Gvern jiġi biex jilleġiżla.
Il-Qorti rrikonoxxiet li l-każini tal-banda huma parti integrali mill-komunitajiet Maltin u Għawdxin u joffru opportunità liż-żgħażagħ biex jitgħallmu l-mużika mingħajr ħlas. Madanakollu, l-Imħallef ikkonkluda li biex ikunu protetti l-każini, il-Gvern poġġa piż żejjed fuq is-sidien.
Propju għalhekk li l-Qorti ordnat li l-Istati iħallas kumpens lis-sidien. Qalet ukoll li filwaqt li l-każin tal-banda ma jistax jibqa’ jserraħ fuq il-liġi meta tiġi biex tiġġedded il-kera, hija ċaħdet it-talba tas-sidien biex l-Għaqda Mużikali tkun żgumbrata mill-binja.
Is-sitwazzjoni tal-każini
Il-każ tal-Banda San Gejtanu mhuwiex iżolat. Il-gazzetta ILLUM kienet ħarġet storja turi li madwar 23 każin tal-banda jistgħu jiffaċċjaw ir-riskju tal-iżgumbrar u dan wara li anke s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid kienet se tispiżża barra għax mhijiex sidt tal-każin li tuża bħala sede.
Anke jekk il-maġġoranza tal-każini huma protetti bil-liġi, minħabba li l-kirja tagħhom hija ta’ qabel l-1995, is-sidien jistgħu jagħmlu argumenti legali oħra, biex il-każini jkollhom jiżgumbraw. Fil-fatt, fil-każ tal-każin De Paule u anke dak ta’ Stella Maris ta' Tas-Sliema, l-argument tas-sidien kien idur ma’ xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tagħhom.
Fil-fatt, meta l-każin De Paule kien se jispiċċa żgumbrat, il-Ministeru għall-Kultura, dak iż-żmien immexxi minn Owen Bonnici, kien ħareġ b’emenda biex jipproteġi lill-każini tal-banda mill-iżgumbrament, liema liġi ma niżlet tajjeb xejn ma’ sidien, inkluż dawk tal-binja tal-każin Stella Maris. Fil-fatt, dawk ta' Stella Maris kienu salvati bi żbrixx hekk kif mhux l-ewwel darba li kienu se jispiċċaw 'il barra, iżda din id-darba ma tantx jidher li x-xorti qed tidħaqilhom hekk kif ġew ordnati jiżgumbraw mill-ġdid.
Ta’ min ifakkar li minħabba dan il-periklu, il-Gvern kien ħabbar skema li permezz tagħha se jkun qed jixtri dawk il-proprjetajiet li huma mikrija bħala każini tal-banda u għal dan il-għan se jkun qed jintuża l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, jiġifieri flus li ġejjin mill-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment u anke l-kumpanija Malita Investments.
Meta l-binja tinxtara, dejjem jekk ikunu jridu s-sidien, il-Gvern isir is-sid u jibda jikri hu l-binjiet, lis-soċjetajiet mużikali, iżda bi prezz issussidjat. L-għan huwa li l-Gvern iserraħ ras il-każini tal-banda u anke ssir ġustizzja mas-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.
Dwar dan f’Jannar ta’ din is-sena stess, il-gazzetta LLUM kienet tkellmet ma’ Josè Herrera, dak iż-żmien il-Ministru responsabbli mill-Kultura.
Huwa kien qal li diversi sidien ta’ binjiet mikrija lil soċjetajiet mużikali wrew interess fl-iskema u l-Gvern jinsab fi stadju avvanzat fin-negozjati dwar diversi każini fosthom dak tad-De Paule ta’ Raħal Ġdid.