Is-sidien tal-każin ta' Stella Maris b'offerta biex ibiegħu iżda jirrifjutaw; 'Għandhom regħba kbira'
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema, il-Ministru Michael Falzon jiżvela mas-sit illum.com.mt li hu kellu laqgħa mal-Avukat tas-sidien bil-għan li tinstab soluzzjoni li biha jgawdi kulħadd iżda s-sidien baqgħu rrifjutaw
Is-sidien tal-każin li tuża s-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema, ġew offruti €250,000 biex ibiegħu din il-binja bil-għan li din is-Soċjetà ma tispiċċax żgumbrata aktar tard dan ix-xahar.
Ikkonferma dan, mas-sit illum.com.mt, il-Ministru Michael Falzon li huwa wkoll il-President tal-istess Soċjetà Filarmonika.
Falzon spjega mal-ILLUM li xaharejn ilu kellu laqgħa mal-Avukat tas-sidien bil-għan li tistab soluzzjoni li minnha jgawdu ż-żewġ partijiet u li ġġib darba għal dejjem din il-battalha li ilha għaddejja 12-il sena.
Matul din il-laqgħa, is-sidien ġew offruti s-somma ta’ €250,000 għall-erba’ snin ċens li dawn għad fadlilhom. Għal bidu, spjega Falzon, l-Avukat deher kuntent bl-ammont iżda meta informa lis-sidien, dawn irrifjutaw. Huma jridu €1.5 miljun biex jitilqu minn idejhom din il-binja.
“Ir-regħba ta’ dawn in-nies hi tassew inkredibbli,” saħaq il-Ministru f’kummenti ma’ dan is-sit. “Għandhom xorti ħallsu €240 bħala ċens dovut f’150 sena.”
Fakkar li dan kollu seħħ meta l-istess Soċjetà Filarmonika ilha mitt sena tħallashom il-kera u s-sidien dejjem rabtu lill-istess Soċjetà biex kull tip ta’ ħsara u xogħlijiet li jkun hemm bżonn tagħmilhom hi stess.
Il-Ministru qal dan fid-dawl tal-fatt li wara snin ta’ battibekki bil-Qorti, is-Soċjetà Filarmonika ġiet ordnata biex tiżgombra mill-każin sat-23 ta’ Novembru fid-9:30am.
Is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema ilha mill-1920 f’din il-proprjetà. Is-sidien kisbu din il-proprjetà b’ċens li jmur lura għall-1876 u jiskadi fl-2026.
Is-sid dirett ta’ din il-proprjetà huwa l-Joint Office li twaqqaf fl-1990 biex jamministra dawk il-proprjetajiet li jkunu trasferiti lill-Gvern mill-Knisja.
Is-sidien ilhom 12-il sena jitolbu l-iżgumbrament u dan għax ma qablux li Soċjetà Filarmonika Stella Maris twettaq xogħlijiet strutturali mingħajr il-kunsens tagħhom. Madanakollu, it-tweġiba tal-każin kienet li x-xogħlijiet li saru kienu neċessarji u kienu jinkludu manutenzjoni.
Fl-2017, il-Bord tal-Kera kien ċaħad it-talba tas-sidien iżda dawn minnufih appellaw.
Sadanittant, il-gazzetta ILLUM kienet ħarġet storja turi li madwar 23 każin tal-banda jistgħu jiffaċċjaw ir-riskju tal-iżgumbrar u dan wara li anke s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid kienet se tispiżża barra għax mhijiex sidt tal-każin li tuża bħala sede.
Anke jekk il-maġġoranza tal-każini huma protetti bil-liġi, minħabba li l-kirja tagħhom hija ta’ qabel l-1995, is-sidien jistgħu jagħmlu argumenti legali oħra, biex il-każini jkollhom jiżgumbraw. Fil-fatt, fil-każ tal-każin De Paule u anke dak ta’ Stella Maris, l-argument tas-sidien kien idur ma’ xogħlijiet strutturali li saru mingħajr il-kunsens tagħhom.
Fil-fatt, meta l-każin De Paule kien se jispiċċa żgumbrat, il-Ministeru għall-Kultura, dak iż-żmien immexxi minn Owen Bonnici, kien ħareġ b’emenda biex jipproteġi lill-każini tal-banda mill-iżgumbrament, liema liġi ma niżlet tajjeb xejn ma’ sidien, inkluż dawk tal-binja tal-każin Stella Maris. Fil-fatt, dawk ta' Stella Maris kienu salvati bi żbrixx hekk kif mhux l-ewwel darba li kienu se jispiċċaw 'il barra.
Huma ħadu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u f’Jannar li għadda, l-istess liġi kienet iddikjarata li tikser il-Kostituzzjoni u dan reġa’ f’poġġa f’riskju lil ta’ Stella Maris.
Ta’ min ifakkar li minħabba dan, il-Gvern kien ħabbar skema li permezz tagħha se jkun qed jixtri dawk il-proprjetajiet li huma mikrija bħala każini tal-banda u għal dan il-għan se jkun qed jintuża l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, jiġifieri flus li ġejjin mill-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment u anke l-kumpanija Malita Investments.
Meta l-binja tinxtara, dejjem jekk ikunu jridu s-sidien, il-Gvern isir is-sid u jibda jikri hu l-binjiet, lis-soċjetajiet mużikali, iżda bi prezz issussidjat. L-għan huwa li l-Gvern iserraħ ras il-każini tal-banda u anke ssir ġustizzja mas-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet.
Dwar dan f’Jannar ta’ din is-sena stess, il-gazzetta LLUM kienet tkellmet ma’ Josè Herrera, dak iż-żmien il-Ministru responsabbli mill-Kultura.
Huwa kien qal li diversi sidien ta’ binjiet mikrija lil soċjetajiet mużikali wrew interess fl-iskema u l-Gvern jinsab fi stadju avvanzat fin-negozjati dwar diversi każini fosthom dak tad-De Paule ta’ Raħal Ġdid.