
L-Isbandieratori di Carpineto ġejjin għall-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun
Il-President tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, is-Sur Antoine Scicluna, qal ‘li importanti li nkomplu naqsmu l-kulturi bejnietna filwaqt li nsaħħu r-relazzjonijiet ma’ ħaddiehor. Dan huwa l-vera ġemelaġġ’

Fuq stedina tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, għandna l-pjaċir inħabbru li matul is-27 u d-29 ta’ Ġunju 2025 se nospitaw l-Isbandieratori di Carpineto propju qabel il-ġranet tal-Festa Titulari.
Il-kollaborazzjoni ma’ Carpineti nbdiet mill-Kunsill Lokali permezz ta’ proġett Erasmus. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kollaborazzjoni baqgħet tissaħħaħ. Meta ġew f’Ottubru li għadda għall-Festival taċ-Ċikkulata, stedinniehom il-każin tagħna għall-ikla ta’ nofsinhar u hemmhekk skoprejna li l-Patruna tar-raħal ta’ Carpineto hija wkoll l-Immakulata Kuncizzjoni. Mhux hekk biss, imma l-Papa li bierek lill-istatwa tagħna qabel ma ġiet minn Ruma fis-sena 1903, kien il-Papa Ljun XIII li kien ukoll minn Carpineto. Wara l-laqgħa t’Ottubru, is-segretarju ġenerali tagħna attenda għall-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru fejn hemmhekk ġew diskussi l-aħħar dettalji għaż-żjara tagħhom bejn is-27 u d-29 ta’ Ġunju.
L-Isbanderatori di Carpineto se jtellgħu tliet attivitajiet, fosthom:
- Il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju fit-20:00 – Spettaklu fi Pjazza Kappillan Muscat
- Is-Sibt 28 ta’ Ġunju filgħodu fil-Belt Valletta u fis-18.30 jieħdu sehem fil-ħruġ tal-vara titulari minn niċċa u wara Spettaklu fi Triq Manwel Magri u wara jkomplu fi Triq il-Kappillan Muscat
- Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju fl-10.00 – Spettaklu li jibda minn Triq Manwel Magri u jkompli mat-toroq tal-Parroċċa
Peress li r-raħal ta’ Carpineto huwa marbut u ddedikat lil Marija Immakulata, aħna ġejna wkoll mistiedna sabiex f’Diċembru nżuru l-villaġġ ta’ Carpineto u l-Banda ddoqq fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni li ssir fil-Jum tal-Immakulata fit-8 ta’ Diċembru.
Din l-attivita hija ffinanzjata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru permezz tal-iskema Social Causes Fund u minn Visit Malta.
Din l-attività f’Ġunju li ġej hija vetrina tal-kultura tagħna – imwaħħda ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra.
Il-President tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, is-Sur Antoine Scicluna, qal “li importanti nkomplu naqsmu l-kulturi bejnietna filwaqt li nsaħħu r-relazzjonijiet ma’ ħaddiehor. Dan huwa l-vera ġemelaġġ”.