Żejt iż-Żejtun: Festa li tgħaqqad storja, kultura u identita'

Iż-Żejtun jilbes il-libsa folkloristika tiegħu għal Żejt iż-Żejtun, il-festa ta’ tradizzjoni, kultura u identità li tgħaqqad il-komunità u tfakkar l-għeruq storiċi tal-belt fil-produzzjoni taż-żejt u ż-żebbuġ 

Il-belt storika taż-Żejtun qed terġa’ tilbes il-libsa folkloristika tagħha hekk kif nhar is-Sibt 25 ta’ Ottubru, mis-7 ta’ filgħaxija ’l quddiem, u l-Ħadd filgħodu, se ssir il-festa maħbuba Żejt iż-Żejtun — ġabra vibranti ta’ tradizzjoni, kultura u għaqda komunitarja li tfakkar l-għeruq tal-belt fil-produzzjoni taż-żejt u ż-żebbuġ. 

Matul tmiem il-ġimgħa, toroq sħaħ taż-Żejtun se jimtlew b’wirjiet, kant, għana, arti, ikel tradizzjonali u attività għal kull età. Din mhix biss festa folkloristika; hija ċelebrazzjoni tal-identità taż-Żejtun u tal-wirt Malti kollu, li tqajjem memorji u toħloq rabta bejn il-passat u l-preżent. 

Meta tkellimna mas-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius, spjegat kif kollox beda b’idea sempliċi li matul is-snin kibret f’avveniment ta’ fama nazzjonali. “Madwar 21 sena ilu rċevejna ittra fil-Kunsill fejn staqsew jekk għandniex xi attivitajiet kulturali li nistgħu nagħmlu għal-lokalità,” tiftakar is-sindku. “Dak iż-żmien is-Sindku kien Joe Attard, u kien ħawwel ħafna siġar taż-żebbuġ, u hekk beda kollox.” 

Mill-ewwel edizzjoni, li saret 19-il sena ilu, Żejt iż-Żejtun laħaq suċċess immedjat. Minn attività żgħira, il-festa kibret gradwalment u llum tospita wirjiet li jinkludu anke gruppi barranin — din is-sena se jieħdu sehem 14-il grupp minn barra li se joffru wirjiet u attivitajiet mużikali. 

Żejtun hija kelma ta’ oriġini Għarbija li tfisser iż-żebbuġ — il-frotta u s-siġra li għal sekli kienu l-qalb tal-ekonomija u tal-ħajja Maltija. Minkejja li l-produzzjoni taż-żejt mhijiex daqshekk estensiva bħal qabel, is-siġra tibqa’ simbolu storiku, kulturali u emozzjonali importanti għal-lokalità. “Kull lokalità għandha l-identità tagħha, u tagħna tinsab fil-kelma nnifisha,” tispjega Agius. 

Il-festa tagħti wkoll spazju speċjali lit-tfal u ż-żgħażagħ. Permezz tal-Kids Club, it-tfal jitgħallmu dwar iż-żfin, logħob tradizzjonali u crafts Maltin. Din is-sena, se jieħdu sehem ukoll tfal mill-Primarja B taż-Żejtun biex jiġbru fondi għal Fondazzjoni Nazareth. Fost l-istejjer li jmissu l-qalb hemm ukoll tifel ta’ disa’ snin, Rhysin li se jkun qed ibigħ il-lemonade flimkien ma’ ommu, bil-flus kollha jmorru għal Puttinu Cares, u student ta’ 16-il sena, Aiden Glanville, li kiteb ktieb u se jbigħu waqt il-festa. 

Il-wirt kulturali jkompli fl-arti u l-mużika, b’esebizzjonijiet fil-Knisja taż-Żejtun — magħrufa bħala l-“Katidral tal-Lvant” — kif ukoll fil-kunsilli tal-każini, li joffru wirjiet u arti tradizzjonali. Parteċipanti oħra jinkludu l-Istitut Ġesù Nazzarenu, fejn jilqa’ familji li qed jaffaċċjaw sfidi soċjali.  

Il-Ħadd filgħodu se jerġa’ jsir ukoll it-tberik tal-annimali fil-ġnien ta’ San Girgor, flimkien ma’ kompetizzjoni tal-mogħoż Maltin u tan-nagħag, kif ukoll dimostrazzjoni tal-proċess kif tinħaleb il-moghża, kollha akkumpanjati b’ikel tradizzjonali, mużika u kant. Il-festa se tinkludi anke reenactment storiku taż-żmien tal-blokok bejn l-1798 u l-1802, meta Ġużè Abela kien kaptan ta’ reġiment ta’ 375 raġel. Żgħażagħ libsin tal-epoka se jkunu qegħdin isajru u jirrakkontaw l-istorja ta’ dak iż-żmien. 

“Żejt iż-Żejtun mhix biss festa,” tgħid Joan Agius. “Hi ġabra ta’ dak kollu li jagħmilna Żwieten: kultura, għaqda, rispett u memorja — kollha miġbura f’żewġt ijiem ta’ ferħ u tradizzjoni.” Il-festa tkompli tkun mument ta’ kburija għall-komunità u ċelebrazzjoni ta’ wirt li jħalli impressjoni dejjiema f’kull min iżur iż-Żejtun. 

 

More in Festi