Il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba

Bejn id-29 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru 2025, ġiet iċċelebrata l-Festa tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija fil-Parroċċa tal-Imqabba. Din il-Festa tiġi organizzata annwalment b’kollaborazzjoni bejn il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Parroċċa tal-Imqabba. Il-Festi fetħu fil-Knisja Parrokjali nhar is-SIbt 29 ta’ Novembru bil-bidu tan-Novena Mqaddsa ta’ preparazzjoni. Matul dawn il-ġranet, ingħadet il-Kurunella tal-Kunċizzjoni, saret Quddiesa Kantata u ngħatat il-Barka Sagramentali.  

It-Tnejn 1 ta’ Diċembru filgħaxija, sar il-Ħruġ min-Niċċa tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju u l-espożizzjoni tagħha fuq il-bradella artistika fiċ-ċentru tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Il-Festi komplew nhar is-Sibt 6 ta’ Diċembru bl-ikla tradizzjonali tal-Festa organizzata mill-Kumitat Soċjali fis-Sede tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju. Il-Ħadd 7 ta’ Diċembru, waqt il-Quddiesa ta’ lejlet il-festa, saret iċ-ċerimonja tal-Professjoni tal-Fratelli ġodda fi ħdan il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni. Sar ukoll sar it-tqassim tal-medaljuni. 

Il-Festi laħqu l-qofol tagħhom nhar it-Tnejn 8 ta’ Diċembru, Solennità ta’ Marija Immakulata. Filgħodu sar marċ trijonfali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fejn matulu nġarru, kemm il-bandalora artistika tal-banda, kif ukoll diversi standardi. Din l-attività kkonkludiet iċ-ċelebrazzjonijiet li matul din is-sena fakkru t-80 anniversarju mill-ewwel dehra pubblika tal-ewwel banda fi ħdan l-ewwel Soċjetà Muzikali Mqabbija, kif ukoll nedew iċ-ċelebrazzjonijiet li matul l-2026 se jfakkru l-150 anniversarju mill-miġja tal-Vara tal-Madonna tal-Ġilju għall-ewwel darba fl-Imqabba fl-1876. Fl-4:00pm bdiet Quddiesa Kantata li kienet bis-sehem tad-diversi fergħat li jikkomponu s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, kif ukoll il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni, flimkien ma’ mistednin distinti.  

Wara segwa l-ħruġ tal-Purċissjoni bil-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Ġilju fejn ingħatat merħba kbira fuq iz-zuntier mid-devoti. Il-purċissjoni mxiet mat-toroq tal-parroċċa bis-sehem tal-fratellanzi, kleru u poplu. Ma’ tmiem il-Purċissjoni ndaqqet l-Antifona, saret ċelebrazzjoni ewkaristika u ngħatat il-Barka Sagramentali, kif ukoll il-bews tar-relikwa. Il-Festi esterni komplew bi programm mużikali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin, u get-to-gether fl-istess sede. 

L-Għaqda tal-Armar Madonna tal-Ġilju ħadet ħsieb tipprovdi armar għal din il-Festa, filwaqt li l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju ħarqet xogħol pirotekniku li ġab fi tmiemha l-Festa għażiża ta’ Marija Immakulata fl-Imqabba. 

Is-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju flimkien mal-Konfraternità tal-Immakulata Kunċizzjoni jirringrazzjaw lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex din il-festa setgħet tkun suċċess. 

 

More in Festi