Il-Ministru Miriam Dalli tgħid li l-pubbliku għandu jkollu aċċess totali għall-Miżieb u l-Aħrax

Dan wara li din il-ġimgħa l-Qorti ddikjarat bħala illegali ftehim li sar bil-moħbi bejn il-Gvern u l-FKNK, liema ftehim kien għadda dawn iż-żoni lil-lobby tal-kaċċaturi bil-pubbliku jkollu biss aċċess limitat

Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli qalet li tixtieq tara li l-pubbliku jkollu aċċess għaż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa.

Hija qalet dan wara li din il-ġimgħa, il-Qorti ddikjarat bħala illegali ftehim li sar bil-moħbi bejn il-Gvern u l-FKNK, fil-leġislatura li għaddiet, liema ftehim kien għadda dawn iż-żoni lil-lobby tal-kaċċaturi, għall-immaniġjar, bil-pubbliku jkollu aċċess biss għal żewġ żoni mmarkati bħala ‘picnic areas.’

Għall-mistoqsijia tal-ġurnalisti, il-Ministru qalet li kellha l-impressjoni li dawn iż-żoni huma miftuħa għall-pubbliku u insistiet li tippreferi kieku l-Miżieb u l-Aħrax ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr restrizzjoni.

Il-Ministru qalet li l-Gvern għadu qed jeżamina l-informazzjoni u dak kollu li tgħid is-sentenza biex ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.

Dan il-ftehim kien iffirmat minn taħt f’Ottubru tal-2022 waqt attività li għaliha kien hemm il-Ministri Ian Borg, Clint Camilleri u Aaron Farrugia. 

Dwar dan ma kienet saret l-ebda diskussjoni, bil-Qorti tal-Appell tikkonkludi li l-affarijiet ma sarux skont il-liġi.

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-FKNK ingħataw żona ta’ 1.5 miljun metru kwadru biex jimmaniġjawha, filwaqt li żoni setgħu jintużaw ukoll għall-kaċċa. Il-pubbliku kellu aċċess biss għal żewġ żoni mmarkati bħala “picnic area.”

L-FKNK qed iħallsu biss €400 fis-sena għal dan kollu. 

Id-deċiżjoni kienet qajmet rabja kbira, b’koalizzjoni ta’ NGOs jisfidaw il-ftehim fil-Qorti.

Birdlife Malta, Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa , Friends of the Earth u anke individwu privat kienu argumentaw li l-ftehim kien illegali u effettivament jimblokka lill-pubbliku minn aċċess ta’ spazju pubbliku. Il-Qorti tat raġun lil dawn l-entitajiet. 

L-ewwel reazzjoni tal-Gvern kien waħda qasira u xotta, jiġifieri li ħa nota ta' din is-sentenza. Madanakollu ma qalx x'se jkun qed jagħmel dwarha. 

More in Politika