Deċiżjoni tal-Gvern li jgħaddi żoni kbar fil-Miżieb u fl-Aħrax tal-Mellieħa lill-FKNK kienet iddikjarata nulla mill-Qorti.
Il-ftehim kien iffirmat minn taħt f’Ottubru tal-2022 waqt attività li għaliha kien hemm il-Ministri Ian Borg, Clint Camilleri u Aaron Farrugia. Dwar dan ma kienet saret l-ebda diskussjoni, bil-Qorti tal-Appell tikkonkludi li l-affarijiet ma sarux skont il-liġi.
Permezz ta’ dan il-ftehim, l-FKNK ingħataw żona ta’ 1.5 miljun metru kwadru biex jimmaniġjawha, filwaqt li żoni setgħu jintużaw ukoll għall-kaċċa.
Il-pubbliku kellu aċċess biss għal żewġ żoni mmarkati bħala “picnic area.”
L-FKNK qed iħallsu biss €400 fis-sena għal dan kollu.
Id-deċiżjoni kienet qajmet rabja kbira, b’koalizzjoni ta’ NGOs jisfidaw il-ftehim fil-Qorti.
Birdlife Malta, Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa , Friends of the Earth u anke individwu privat kienu argumentaw li l-ftehim kien illegali u effettivament jimbolla lill-pubbliku minn aċċess ta’ spazju pubbliku
L-ewwel attantat ta’ dawn l-NGOs biex tkun irrevokata din il-konċessjoni falliet quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva li kien qal li l-applikanti mhumiex partijiet li sofrew xi danni mid-deċiżjoni.
Madanakollu, din id-deċiżjoni kienet irrevokata mill-Qorti u l-każ reġa’ spiċċa quddiem it-Tribunal li f'Jannar ta' din is-sena reġa’ ċaħad dak li qalu l-NGOs.
Madanakollu, l-NGOs reġgħu appellaw din id-deċiżjoni u l-Qorti laqgħet l-argumenti tagħhom u ddikjarat din il-konċessjoni bħala nulla.
L-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonkluda li l-ftehim iffirmat mill-Gvern huwa illegali.
'Il-Gvern għandu jaċċetta s-sentenza u jiddikjara li l-art kollha hija żona pubblika s-sena kollha'
B’reazzjoni għal din is-sentenza, BirdLife Malta, Din L-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, il-Moviment Graffitti, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers ta’ Malta u l-Professur Edward Mallia qalu li huma sodisfatti li ngħataw raġun dwar dak li ħatmu għalih.
Huma qalu li ġaladarba l-ftehim ġie annullat mill-Qrati, il-ħames eNGOs qed jitolbu lill-Gvern biex jaċċetta din is-sentenza u jiddikjara minnufih li din l-art kollha hija żona pubblika s-sena kollha.
L-eNGOs jappellaw ukoll lill-Gvern biex jagħti kas tat-talbiet ġenerali, mill-oqsma kollha tas-soċjetà tagħna, biex iħares in-natura u jikkonserva l-ispazji miftuħa tagħna.
“Issa huwa ż-żmien li jintwera impenn veru lejn dan il-valur,” qalu l-Għaqdiet.