'Intom kollox barra soċjalisti ... Baġit taċ-ċifri u mhux tar-realtajiet tal-familji' - Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mhijiex biżżejjed u jgħid li bid-dejn bla rażan, il-Gvern qed iżid l-inflazzjoni u l-piż fuq il-familji u ż-żgħażagħ

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech (Ritratt: James Bianchi)
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech (Ritratt: James Bianchi)

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Baġit li l-Gvern ressaq bħal-lum ġimgħa ma jindirizzax biżżejjed iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, tant li saħaq li ż-żieda ta’ €9.90 mhijiex biżżejjed.

Apparti minn hekk, fit-tweġiba tiegħu għall-Baġit, Grech saħaq li l-Gvern ma offra l-ebda soluzzjoni għal sfidi li għandu l-pajjiż bħat-traffiku, ma ħarisx biżżejjed fit-tul u naqas f’diversi oqsma importanti, bħalma huwa s-settur tas-saħħa.

Irrefera għall-wiegħdi tal-amministrazzjoni Laburista li saru fl-aħħar snin, bi Grech jagħti eżempju wara l-ieħor biex jisħaq li nkisru l-aqwa prinċipji u insista li issa anke l-Ministru tal-Finanzi stess qed jammetti li l-mudell ekonomiku tal-Gvern “falla.”

Fi kliemu, il-Baġit mhuwiex biss wieħed “kożmetiku” imma ma jaħsibx għall-għada. Akkuża lill-Gvern li ma għandu l-ebda pjan biex ikabbar l-ekonomija għax l-uniku pjan li kellu kien li jżid il-popolazzjoni u ċ-cheap labour. Fi kliem Grech, dan kien l-ewwel Gvern li ma emminx li jista’ jkabbar l-ekonomija bil-ħila tal-Maltin.

“Wegħduna żvilupp sostenibbli u tawna ġungla ta’ konkrit. Wegħduna soluzzjoni għat-traffiku u għandna konġestjoni kuljum. Wegħduna kwalità tal-ħajja aħjar u llum din qed tmur għall-agħar kull ġurnata li tgħaddi,” qal Grech.

Kien hawn li qal li l-Baġit qed jipprova jnessi minn fejn telaq il-pajjiż u saħansitra jipprova jiddistakka ruħu mill-istess Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat.

Għoli tal-ħajja: ‘In-numri tal-faqar iħammrulna wiċċna’

Fir-replika tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem fit-tul dwar iż-żieda fil-prezzijiet, kwistjoni li tinsab fuq fomm kulħadd. Fi kliemu, iż-żieda li ta l-Gvern mhijiex biżżejjed u qal li min ma jindirizzax din il-problema ikun “insensittiv.”

“Iż-żieda li ta għall-għoli tal-ħajja mhijiex biżżejjed biex tilqa’ għall-isplużjoni fil-prezzijiet,” insista Grech waqt li qal ukoll li skont il-Baġit, l-inflazzjoni se tkompli togħla u mhux tonqos.

Kien hawn li Grech qal li dan il-piż il-Gvern tefgħu kollu fuq is-sidien tan-negozji.

“Intom li taħdmu fil-privat għandkom tkunu tafu li ż-żieda ta’ €9.90 se jagħtihielkom min iħaddimkom u mhux il-Gvern. Anzi, il-Gvern se jintaxxakom fuqha u se jerġa’ jeħdilkom parti minnha,” qal Grech waqt li saħaq li l-għoli tal-ħajja qed jaqta’ biċċa sew tal-valur tal-flus li wieħed jaqla’ u li wieħed ifaddal.

Meta għamel analiżi tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż, il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Gvern li qed iżid id-dejn tal-pajjiż mingħajr rażan u qal li din hija “l-agħar taxxa” li qed titpoġġa fuq il-poplu kollu, anke għax fi kliemu, dan id-dejn qed ikompli jżid l-għoli tal-ħajja.

“Gvern li biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali berbaq kemm felaħ. Anke f’nofs il-kampanja elettorali. Biex imbagħad qalulna li se jkollna nissikkaw iċ-ċinturin,” qal Grech waqt li akkuża lill-Gvern li qed “jixxaħħaħ.”

Il-Prim Ministru u l-membri tal-Gvern jsegwu d-diskors ta' Bernard Grech
Il-Prim Ministru u l-membri tal-Gvern jsegwu d-diskors ta' Bernard Grech

Tkellem dwar il-mekkaniżmu addizzjonali li se jagħti żieda addizzjonali għall-għoli tal-ħajja lil dawk l-aktar vulnerabbli. Insista li dan tħabbar fl-aħħar Baġit u kellu jkun introdott bħala prijorità iżda l-Gvern stenna Baġit ieħor biex jibqa’ jħaddem dan il-mekkaniżmu.

Madanakollu, fi kliem Grech dan mhux se jkun biżżejjed u min hu fqir jew jibqa’ fil-faqar u min kien f’riskju issa se jispiċċa fil-faqar. Irrefera għal ċifri li juri kif f’Malta hawn aktar minn 100,000 persuna fil-faqar jew f’riskju. Fi kliemu, dawn huma “numri li jħammrulna wiċċna.”

“Dawk vulnerabbli baqgħu biż-żieda miżera għall-għoli tal-ħajja ta’ sena ilu meta l-għoli tal-ħajja kien ta’ 1% jew anqas. Illum għandna l-ogħla għoli tal-ħajja f’40 sena,” kompla Grech.

Wegħduna żvilupp sostenibbli u tawna ġungla ta’ konkrit. Wegħduna soluzzjoni għat-traffiku u għandna konġestjoni kuljum. Wegħduna kwalità tal-ħajja aħjar u llum din qed tmur għall-agħar kull ġurnata li tgħaddi

Insista wkoll li l-kejl għall-għoli tal-ħajja li jintuża llum, magħruf bħala l-COLA, huwa mekkaniżmu li ħadd ma jemmen li jirrifletti verament l-għoli tal-ħajja kif verament hu.

Fil-fatt, il-Kap tal-Oppożizzjoni ppropona diskussjoni ma’ kulħadd biex jiddaħħal mekkaniżmu ġdid ta’ kif jitkejjel il-ġid fil-pajjiż li ma jibqax biss determinat mill-indikaturi ekonomiċi, imma minn indikaturi oħra li jkejlu l-benesseri tas-soċjetà.

Fil-fatt, aktar qabel, Gvern ġibed saqajn il-Gvern meta qal li minkejja li l-Ministru Caruana jgħid li huma soċjalisti, huma kollox minn barra soċjalisti.

“Apparti l-ħmurija u s-Soċjaliżmu, dan hu Baġit taċ-ċifri u mhux Baġit tar-realtajiet li qed jgħixu l-familji Maltin.”

Saħaq li hemm ħafna soluzzjonijiet u qal li wħud minn dawn huma sempliċi u jinsabu f’idejn il-Gvern

“Waqqaf il-korruzzjoni. Waqqfu l-pagi ta’ €60,000 lil persuni inkompetenti u titimgħuhom lit-tfal, mela le ...Waqqfu r-regħba li jinqdew il-ħbieb tal-ħbieb u tibda tirrenja dak li kulħadd jixtieq: Il-Ġustizzja Soċjali.”

Traffiku: ‘Nefqu biljun ewro u kont u għadek fit-traffiku’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-isfida tat-traffiku u insista li wara li l-Gvern nefaq kważi biljun ewro “inti kont fit-traffiku u għadek fit-traffiku.”

Fi kliemu, minflok ta soluzzjonijiet, il-Gvern qed jaħrab minn din il-problema. Qal li l-ewwel iddeskrivewh bħala “perċezzjoni” imbagħad weħħlu l-festi u issa anke l-Pulizija, b’referenza għall-istorja ppubblikata lbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM.

“Ħa ngħidilkom jien x’inhi perċezzjoni – is-suppost metro li tant ftaħartu biha … aħjar jgħidilna ftit il-Ministru tat-Traffiku kif qed jagħmel studji ġodda meta, qabel l-elezzjoni, il-Ministru Borg kien qalilna li l-istudji kollha lesti. Lesti l-istudji jew mhux lesti? Jew għandna xi direct order għal xi kumpanija oħra?” staqsa Grech.

Kien hawn ukoll li Bernard Grech irrefera għall-proġett tal-junction tal-Marsa u stieden lill-Prim Ministru jgħid xi żviluppi hemm fuq ir-rapporti ta’ korruzzjoni li kien hemm dwar dan.

“Anke fi flyover kontu kapaċi tagħmlu bizzilla ta’ korruzzjoni!”, qal Grech.

Saħħa: ‘Proposti riċiklati ... waqqaf il-kuntratt mal-Vitals’

Il-Kap Nazzjonalista tkellem fit-tul dwar is-settur tas-saħħa u beda lejn il-bidu tad-diskors tiegħu meta stieden lill-Prim Ministru biex għada fid-diskors tiegħu, jiddikjara li se jwaqqaf il-kuntratt ta’ Steward Health Care.

Fakkar li anke l-Awditur Ġenerali qal li dan huwa kuntratt korrott u insista li l-Prim Ministru għandu ċans biex juri li hu fuq in-naħa tal-poplu.

“Jekk ma tagħmilx dan, int se tibqa’ fuq in-naħa tal-korrotti … anzi se tibqa’ tkun kompliċi magħhom għax taf bil-ħmieġ li hemm u qed tħallieh għaddej … qed tbierku kuljum … qed terġa’ tivvota l-miljuni għas-sena li ġejja biex ikompli għaddej dan il-ħmieġ,” kompla jgħid Grech lil Abela.

Qal ukoll li l-Baġit, għas-settur tas-saħħa, ħabbar biss proposti li ilu jgħid li se jitwettqu u jibqgħu ma jsirux, inkluż il-bini tal-outpatients il-ġdid u anke l-bini ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali biswit Mater Dei.

Mhux bilfors l-infermiera qed jgħejjew. Mhux bilfors l-infermiera qed jimirdu. Mhux bilfors l-infermiera jieħdu iżjed u iżjed sick leave. Minflok il-Gvern jipprova jinnegozja mal-union tal-infermiera u jisma’ l-ilmenti taghhom, x’jagħmel? Ħareġ jattakkahom

Insista wkoll li l-Gvern ma indirizzax il-problema tan-nuqqas ta’ spazju f’Mater Dei hekk kif pazjenti qed ikollhom jirċievu l-kura fil-kurituri, fil-canteen tal-istaff u anke fil-librerija medika.

“U mhux hekk biss, issa niskopru li fil-Budget naqqas l-infiq fuq il-manutenzjoni tal-apparat li jintuża fl-isptar Mater Dei.”

Tkellem dwar il-mediċina u insista li mhuwiex minnu dak li qed jgħid il-Gvern, jiġifieri li ma hemmx mediċini out-of-stock. Fi kliemu dan huwa qerq.

“Bħalissa fl-isptar anki antibijotici komuni qegħdin out of stock. Pazjenti qegħdin jintalbu jgħidu lil tal-familja biex jixtrulhom antibiotiċi minn spiżeriji privati u jeħduhomlhom l-isptar biex ikollhom biex jittrattaw l-infezzjonijiet,” qal Grech.

Saħansitra qal li anke affarijiet sempliċi huma nieqsa minn Mater Dei tant li f’Settembru kellhom jieqfu l-operazzjonijiet tal-kataretti għax il-kirurgi ma kellhomx l-għodda meħtieġa.

Tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ infermiera u qal li l-Gvern qed ikompli jnaffar liż-żgħażagħ għax qed iwaħħal fl-infermiera kull meta jseħħ xi inċident. Insista li biex tkun indirizzata din il-problema, fil-Baġit ma hemm xejn.

“Mhux bilfors l-infermiera qed jgħejjew. Mhux bilfors l-infermiera qed jimirdu. Mhux bilfors l-infermiera jieħdu iżjed u iżjed sick leave. Minflok il-Gvern jipprova jinnegozja mal-union tal-infermiera u jisma’ l-ilmenti taghhom, x’jagħmel? Ħareġ jattakkahom,” qal Grech.

Tenna li r-raġuni ta’ “dan it-tixħiħ” mal-infermiera u l-pazjenti huwa l-kuntratt ma’ Vitals/Steward.

“Gvern dgħajjef ma’ Vitals u iebes mal-pazjent u mal-ħaddiema tas-saħħa. Flok jiqfilhom u jitlobhom lura l-miljuni li jappartjenu lill-poplu, jagħtihom miljuni kbar oħra u miljuni aktar milli tahom is-sena l-oħra.”

Għawdex: ‘Bżonn ta’ tmexxija Reġjonali li jkollha poteri eżekuttivi’

Dwar Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern nesih f’diskors ta’ kważi tliet sigħat u lanqas biss isemmi wiegħdi li kienu ilhom jissemmew. Saħansitra qal li jekk wieħed iħares lejn l-estimi, jinduna li l-investiment f’Għawdex se jonqos b’€10 miljun.

Qal li Għawdex għandu bżonn tmexxija Reġjonali li jkollha poteri eżekuttivi u l-finanzi adegwati.

“Dan huwa essenzjali biex “jittieħdu d-deċiżjonijiet tajbin dwar l-iżvillupp sostenibbli f’Għawdex. Biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ żvilupp ħażin, traffiku li dejjem qed jiżdied. Biex jiġi attirat turiżmu intern u barrani li jagħmel sens għal  Għawdex ... U min jista’ jagħmel dan jekk mhux l’ Għawdxin stess f’Kunsill Reġjonali. Aħna nemmu fil-kunċett ta’ Għawdex Gżira Reġjun,” qal Grech.

Enerġija: ‘Tipperikolawx l-investiment tal-interconnector bil-korruzzjoni’

Il-Ministru Clyde Caruana tkellem ħafna dwar is-sussidji tal-enerġija li l-Gvern qed joħroġ biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Grech qal li hekk hemm bżonn fiċ-ċirkostanzi. Madanakollu appella lill-Gvern biex ikun aktar trasparenti.

“Ma jistax ikun li jiġi hawn, ifajjar ċifra ta’ 472 miljun din is-sena, ifajjar ċifra ta' 608 miljun għas-sena d-dieħla mingħajr spjegazzjoni,” qal Grech.

Ma jistax ikun li l-enerġija tibqa’ settur mifni f’kultura ta’ ħabi u serq

Qal li jistenna spjegazzjoni kemm minn dawn is-sussidji qed joħroġu minħabba l-prezz tal-elettriku mill-interconnector, għall-prezzijiet tal-fuel u għall-prezzijiet tal-ikel.

“Imma jrid jgħidilna wkoll, kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-profitti tal-Electrogas. Kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-profitti tas-Shanghai Electric. Kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-gass li nixtru mingħand is-Socar. U kif inkunu fiż-żifna, jgħidilna kemm minn dawn il-miljuni qed jissussidjaw il-€5,000 kuljum ta' sħabhom, ta’ 17 Black, ta’ Hearnville, ta’ Tillgate u ta’ Egrant. Ma jistax ikun li l-enerġija tibqa’ settur mifni f’kultura ta’ ħabi u serq.”

Kien hawn li tkellem dwar il-proġett għall-interconnector li jaħdem bil-gass u wissa lill-Gvern biex jieqaf jipperikola l-fondi Ewropej b’każi ta’ korruzzjoni.

Insista li l-Gvern ma ħabbar xejn biex jinvesti f’aktar enerġija rinovabbli waqt li reġa’ ġibed saqajn il-Gvern bil-proġett tal-windfarm fil-Montenegro.

“....għax il-montenegro r-riħ kien jonfħilhom lejn il-but.”

Insista li l-pajjiż jeħtieġ infrastruttura ġdida għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva u rinovabbli mix-xemx, mir-riħ jew mill-mewġ li jkollha inqas impatt ambjentali u fuq l-estetika tal-pajjiż.

Edukazzjoni: “Qatt ma ħmiltuha l-Università ... l-edukaturi insejtuhom’

Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u akkuża lill-Gvern li naqqas il-fondi tiegħu lill-Università u anke fl-investiment tiegħu fl-edukazzjoni.

Qal li jekk wieħed iħares lejn in-nefqa kapitali tal-Gvern għas-sena 2022, jinduna li l-Gvern naqas milli jutilizza madwar €11-il miljun li kienu vvotati għall-edukazzjoni.

“Għas-sena li ġejja, jiġifieri għall-2023, il-Gvern qed jerġa' jivvota 11-il miljun anqas minn dak li kien ivvutat fl-2022 għall-ispiza kapitali fl-edukazzjoni. Jixxaħħaħ mal-edukazzjoni ta’ uliedna imbagħad jonfoq bl-addoċċ fuq tal-qalba.”

Qal li l-Gvern irriċikla proġetti li ħabbar is-sena li għaddiet inkluż dwar bini jew xogħlijiet fuq skejjel li baqgħu ma sarux waqt li akkużah li fil-Baġit nesa lill-edukaturi.

‘Ħaddieħor jibni fuq id-dejn ... aħna fuq għaxar setturi ġodda’

Il-Kap Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu, jisħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nazzjon kollu, il-partit tal-ambjent, tax-xogħol u tal-edukazzjoni.

Irrefera għall-ħolqien ta’ għaxar setturi ġodda li kien wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u insista li l-PN għadu determinat li joħloq dawn is-setturi.

“B’ekonomija b’saħħitha għal ġejjieni nassiguraw li jkollna l-ġid biex permezz tiegħu ħadd ma jibqa’ lura. Permezz tiegħu neradikaw il-faqar, insibu soluzzjoni għall-iġġammjar tal-pajjiż, permezz tiegħu ma niddependux iżjed fuq aktar bini, permezz tiegħu ma niddependux iżjed fuq żieda enormi fil-popolazzjoni, permezz tiegħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.”

Qal li filwaqt li l-Gvern Laburista qed jibni kollox fuq id-dejn, Gvern ġdid Nazzjonalista jibni fuq l-istess għaxar setturi ekonomiċi għax jemmen verament fil-ħiliet tal-Maltin u jemmen li kulħadd ħaqqu kwalità tal-ħajja tajba.

More in Politika