'Għal xi raġuni l-Pulizija m’għadhiex tieħu ħsieb l-immaniġġjar tat-traffiku. Dik trid tinbidel' - Aaron Farrugia

Il-Ministru Farrugia jwiegħed aktar infurzar fit-toroq - Il-Pulizija mal-ILLUM jgħidu li huma ma naqqsux il-Pulizija tat-Traffiku u li xorta għadhom preżenti fit-toroq..

“Għal xi raġuni jew oħra l-Pulizija m’għadhiex tieħu ħsieb l-immaniġġjar tat-traffiku. Dik trid tinbidel.” Hekk qal mal-gazzetta ILLUM il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia. Dan fid-dawl ta’ inċident wara ieħor li qed iħalli ħafna fatalitajiet ta’ nies li għadhom fi fjur ħajjithom. Fil-fatt fi żmien 10 xhur mietu xejn inqas minn 22 persuna f’inċidenti tat-traffiku u ferm aktar weġġgħu gravi.

Din il-gazzetta, f’kuntatt telefoniku mal-Ministru Farrugia staqsiet jekk wasalx iż-żmien li fit-toroq tagħna ikun hemm aktar sorveljanza u Pulizija, fost miżuri oħra. 

Farrugia stqarr mal-ILLUM li fl-aħħar ġimgħat saret analiżi dwar dak li qed jiġri fit-toroq ta’ pajjiżna fejn qal li jidher biċ-ċar li għandna aktar karozzi fit-toroq. “Qed joħorġu madwar 60 karozza kuljum u għaldaqstant irridu nżidu aktar ħaddiema fit-toroq. Allura fil-ġimgħat li ġejjin se jkollna aktar ħaddiema fit-toroq biex jagħmlu l-infurzar neċessarju.” 

Hawn l-ILLUM twaqqfu u tistaqsih iżda jammettix li s-sitwazzjoni preżenti fit-toroq, b’tant inċidenti, hijiex inkwetanti. Farrugia stqarr li “żgur li inkwetanti li jkollok ħafna inċidenti fit-toroq. Iżda li tinkwieta mhux biżżejjed.” 

Mal-illum.com.mt iżda l-Korp tal-Pulizija ċaħad li kien hemm xi tnaqqis fil-pulizija tat-traffiku fl-aħħar żmien u qal ukoll li l-Pulizija hi preżenti fit-toroq, fejn apparti l-units tat-"Traffiku u tal-RIU hemm iżjed preżenza bil-proġett tal-Pulizija tal-Komunità "li qegħdin joperaw f'76% tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

Il-Korp fakkar lill-ILLUM illi Illum hemm awtoritajiet oħra barra l-pulizija li jassumu dan l-irwol, ewlenin fosthom l-Awtorità Trasport Malta u l-LESA.

‘Għamiltha ċara li l-Istrateġija għas-Sigurtà tat-Toroq tal-2024, nibdew naħdmu fuqha minn issa’ 

Intant Farrugia sostna li fl-aħħar ġimgħat iltaqa’ mal-Kunsill għas-Sigurtà fit-Triq magħmul minn persuni li ġejjin minn oqsma differenti, dwar l-Istrateġija għas-Sigurtà fit-Toroq li hija attiva bħalissa u li bdiet fl-2014 u mistennija tkompli sal-2024. 

“Jien għamiltha ċara li l-istrateġija li jmiss u li għaldaqstant tibda fl-2025, nibdew naħdmu fuqha minn issa, għaliex nifhem li ċ-ċirkostanzi ta’ llum huma differenti minn dawk ta’ qabel,” sostna Farrugia. 

Apparti minn hekk fakkar li għalkemm il-Kunsill huwa appuntat, mhux qiegħed fil-liġi Maltija, “allura tajt direzzjoni biex dan jiġi integrat fil-liġijiet Maltin u jkollu terms of reference ċari ta’ kif jaħdem mal-Gvern, inkluż ma’ Trasport Malta u Infrastructure Malta.” 

‘Il-kampanji m’għandhomx ikunu fi żmien il-Milied biss’

Il-Ministru Farrugia fakkar li dalwaqt naraw il-kampanji kontra s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkohol u filwaqt li qal illi huwa tajjeb li jsiru dawn il-kampanji, “dawn m’għandhomx ikunu limitati għaż-żmien tal-festi biss, iżda għandhom isiru waqt is-sena kollha.” 

Apparti minn hekk, qal li m’għandniex niffukaw fuq ix-xorb biss iżda l-kampanji għandhom jindirizzaw d-distrazzjonijiet oħra waqt is-sewqan. “Qabel konna naraw ħafna persuni li jċemplu waqt li jsuqu, illum ħafna qed jibagħtu l-messaġġi,” kompla jgħid Farrugia. 

Żied li f’laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima iddiskuta l-integrazzjoni tas-Sigurtà fit-Triq bħala parti mill-kurrikulu fl-iskejjel, “biex minn ta’ ċkuntihom it-tfal jitgħallmu dwar il-kodiċi tat-triq, kif kienu jgħallmuna fil-passat.”  

Persuni li għandhom aktar minn 80 sena għandhom isuqu? 

Dan l-aħħar kienu bosta li esprimew il-ħsieb - tajjeb jew ħażin, taqbel jew le - illi għandu jkun hemm regoli aktar rigorużi għal sewwieqa ‘l fuq minn 80 sena. Farrugia jaqbel ma’ dan is-sentiment? 

Għal dan Farrugia wieġeb li meta persuna tagħlaq ċertu età, it-tobba tal-familja jivverifikaw jekk dawn jistgħux isuqu jew le. “Wieħed irid jara jekk dan l-eżerċizzju hux qed isir b’mod rigoruż jew le u għalhekk għandna naċċertaw li qed issir analiżi tajba tal-kundizzjoni ta’ persuna,” qal Farrugia. 

Huwa ħeġġeġ lil dawk li forsi ma jkunux jistgħu isuqu biex jużaw it-trasport pubbliku, speċjalment issa li sar b’xejn għal kulħadd inkluż l-anzjani. “Jew iridu jużaw il-karozzi tagħhom bilfors?”

10 xhur, 22 mewt

Fl-aħħar snin Malta rat medja ta’ 15 u 20 mewt fis-sena, ikkawżati minn inċidenti fit-toroq. Madankollu din is-sena, fi żmien 10 xhur biss diġà qbiżna din il-medja hekk kif sa’ issa Malta rat 22 fatalità, 17-il raġel u erba’ nisa. 

Minn mewt ta’ onkoloġista maħbub għall-aħbar xokkanti ta’ hit-and-run fiż-Żejtun, l-ewwel imwiet tas-sena seħħew fl-ewwel ġimgħa. Fit-tieni jum tas-sena titlef ħajjitha traġikament mara’ ta’ 80 sena mill-Ħamrun u mietet minħabba l-ġrieħi li ġarrbet. Jumejn wara Malta inħasdet bil-mewt tal-Onkologu Victor Calvagna li ntlaqat minn karozza meta mar jiġri fil-Qawra lejn l-aħħar ta’ Diċembru.

Żewġ Eritrej ta’ 29 u 31 sena tilfu ħajjithom fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa. Intant Malta tilfet ukoll żewġ couriers tal-ikel Ajay Sehrestha raġel min-Nepal ta’ 28 sena li tilef f’Aldo Moro u Bulgaru ta’ 38 sena Yani Kuzmanov li tilef ħajtu fi Triq Anton Buttigieg fiż-Żejtun. 

Fl-istess triq tilef ħajtu Antoine Degabriele ż-Żejtuni ta’ 51 sena, b’hit-and-run. Jiem wara, Kristina Zivanovic ta’ 23 sena tilfet ħajjitha meta ttajret minn tal-linja. 

Intant din il-ġimgħa fi żmien tliet ijiem biss Malta tilfet tliet persuni, bl-aktar riċenti jkun Anthony Bongailas iż-Żejtuni ta’ 69 sena li ttajjar iż-Żejtun stess u r-raġel ta’ 24 sena mill-Venezuela Jesus Reina, li ttajjar fi Triq Diċembru 13 ukoll. 

U fit-23 ta’ Ottubru Malta tilfet il-maħbuba Marie Claire Lombari li tilfet ħajitha kawża ta’ inċident bil-mutur, fi Triq l-Imdina r-Rabat. 

More in Politika