Baġit 2023 | 'L-istudji dwar il-vijabbilità tal-metro għaddejin; Mhux kuntent bl-immaniġjar tat-traffiku'

Dwar il-mina bejn Malta u Għawdex il-Prim Ministri jikkonferma li għalissa fiċ-ċirkostanzi dan il-proġett mhuwiex prijorità għall-pajjiż

 

Id-Diskors tal-Baġit tal-bieraħ ma semma xejn dwar il-proġett tal-metro li l-Gvern kien ħabbar b'tant pompa u li fl-aħħar manifest elettorali tiegħu wiegħed li jkompli jistudja. Madanakollu, mistoqsi mis-sit illum.com.mt għaliex ma kien hemm l-ebda allokazzjoni ta' fondi għal aktar studji dwar dan il-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela qal biss li l-istudji dwar il-vijabbilità tal-proġett għadhom għaddejin.

L-ILLUM staqsiet lill-Prim Ministru jekk dan hux proġett ieħor li spiċċa fuq l-ixkaffa bħall-mina bejn Malta u Għawdex iżda hu saħaq li fiż-żewġ ċirkostanzi għadhom qed isiru l-istudji. Dwar il-mina, il-Prim Ministru kkonferma li fiċ-ċirkostanzi, għalissa dan il-proġett mhuwiex prijorità.

Dwar it-traffiku inġenerali, il-Prim Ministru qal li mhux kuntent bl-immaniġjar tiegħu. Insista li x-xogħlijiet li għaddejin u anke l-inċidenti qed iżidu t-traffiku, imma qal li daqstant ieħor l-immaniġjar ħażin.

Semma pereżempju każi fejn ikun hemm inċidenti żgħar u xi ħadd isofri ġrieħi superfiċjali u l-karozza jitħallew fin-nofs għal ħin twil, anke jekk ikunu qed jagħlqu triq importanti u prinċipali. Fi kliemu, dawn huma affarijiet li jridu jinbidlu.

'Urejna li aħna nibqgħu forza progressiva li għandha ruħ soċjali'

Intant, l-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Baġit, Abela qal li dak li ħabbar il-Gvern huwa Baġit għal-lum u għal għada. Għal-lum, għax fi kliemu jaħseb biex jindirizza sfida ewlenija, jiġifieri l-inflazzjoni u għal għada għax jibqa' joffri "ċertezza u stabbilità," għall-familji u n-negozji biex jibqgħu jippjanaw.

Kien hawn li saħaq li l-Gvern jibqa' forza progressiva b'ruħ soċjali għax jibqa' jwarrab l-awsterità u jibqa' jinvesti.

Semma u fakkar f'diversi proposti li ħabbar il-Ministru għall-Finanzi, inkluż iż-żieda fil-pensjonijiet ta' €12.50, il-garanzija għat-tfal u miżuri oħra. 

Waqt li ta' elenku tal-proposti ta' xi eżempji u qal li koppja anzjana bil-paga minima, hjekk tgħaqqad il-miżuri kollha, se tkun qed tieħu kważi €1,100 żejda fis-sena. Koppja fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għandhom żewġt itfal, bejn iż-żieda tal-COLA, iż-żieda fiċ-Children's Allowance, l-għotja għal attivitajiet extra-kurrikulari u ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa, se jkunu qed jieħdu €35 oħra fil-ġimgħa, jew inkella €1,820 fis-sena.

Abela fakkar kif minkejja l-isfidi li għaddej minnhom il-pajjiż, il-Gvern se jkun qed jonfoq €920 miljun, li ddeskriviha l-akbar nefqa li qatt kellu Gvern Malti.

Insista li filwaqt li f'pajjiżi oħra hemm min qed jara jekk hux se jibda jaqta' l-elettriku f'xi ħin, Malta qed tibqa' tissudja l-prezzijiet u mhux se jkollha din il-problema.

Qal li minkejja li anke qabel l-elezzjoni kien hemm minn beżża', illum il-Gvern fil-qalba ta' kriżi enerġetika bla preċedent qed jassigura li l-familji u n-negozji ma jħallsux ċenteżmu żejjed.

"Dan huwa l-ewwel minn ħames baġits li jagħti stampa ċara ta' fejn irridu mmorru," insista l-Prim Ministru Abela.

More in Politika