Ħaddiema tal-pjattaforma | Bil-kuntratt, bil-leave tal-mard, bi ħlas doppju... Kollox skont il-liġi

Il-Gvern jiżvela leġiżlazzjoni li titratta l-ħaddiema tal-pjattoforma - ħafna minnhom kompletament neqsin minn kull dritt u benefiċċju mogħti fil-Liġi tax-Xogħol

Il-ħaddiema tal-pjattaforma b'bidliet li ħabbar il-Gvern illum se jkunu qed jingħataw numru ta' drittijiet - li huma hekk kif stipulat fil-liġi iżda li sal-lum għadhom ma jingħatawx -  inkluż li jitħaddmu b'kuntratt, bil-leave tal-mard, li jingħataw ħlas doppju fil-ġranet tal-mistrieħ - bħal Ħdud u festi - kif ukoll li jkunu magħrufa minn qabel is-sigħat li se jaħdmu, fost oħrajn. 

Il-kundizzjonijiet li bihom jitħaddmu ħaddiema bħal delivery persons u xufiera tat-taxis - li jaħdmu ma' kumpaniji li joperaw minn apps - ilhom taħt l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew, speċjalment fid-dawl tal-fatt li ħafna drabi dawn ikunu mniżżlin bħala 'self employed' biex b'hekk ma jkollhom ebda drittijiet marbutin max-xogħol, anke jekk fil-fatt ma jkunux jaħdmu għal rashom imma jkunu direttament impjegati. 

Is-Segreatarju Parlamentari Andy Ellul żvela din il-leġiżlazzjoni llum u spjega kif il-Gvern ma setax jibqa' ma jagħmel xejn, speċjalment wara li investigazzjoni mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol kienet sabet li ħafna minn dawn il-ħaddiema qed jitħaddmu mingħajr kuntratt, kuntratti mhux infurzabbli, filwaqt li ma tingħatax payslip, bonuses u lanqas titħallas rata ta' overtime skont kif stipulat fil-liġi. Dan apparti li l-pagi ħafna drabi huma inqas mill-paga minima. 

B'hekk skont il-liġi li qed iressaq il-Gvern il-ħaddiema jrid jibda jkollhom kuntratt, payslip bid-dettalji, bonuses statutorji u rati ta' overtime li jitallsu skont il-liġi. Il-Liġi se tispeċifika wkoll li spejjeż relatati max-xogħol ma jistgħux jinqatgħu mill-paga. 

Skont il-Gvern, l-impjegatur issa jrid ukoll jibda jipprovdi informazzjoni dwar l-algorittmi li qed juża biex taħdem il-pjattaforma kif ukoll s-sigħat tax-xogħol. 

Il-Gvern se jkun qed jagħti xahar ċans minn meta dan kollu jidħol fil-liġi biex il-ħaddiema jirregolarizzaw lilhom infushom. 

Apparti minn hekk, b'dawn il-bidliet il-Gvern se jkun qed jagħmilha llegali li impjegatur ma jħallix ħaddiema minn tiegħu jagħmel xogħol ieħor ħlief għal raġunijiet ta' saħħa u sigurtà, ta' kunfidenzjalità kummerċjali, integrità pubblika u minħabba kunflitti ta' interess. 

Aqra hawnhekk x'qal il-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ħaddiema tal-Pjattaforma

Aqra analiżi tal-Professur Carmel Borg u Dr. Joe Gravina dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma

Aqra l-proposti tal-PN permezz tal-artiklu tal-Kelliem għax-Xogħol Ivan Castillo

More in Politika