Wara dik id-delivery li ġibt hemm ħaddiem li (probabbilment) ma għandu dritt ta' xejn. Il-Parlament Ewropew jesiġi...

Illum il-kumdità li tidħol f'app u ġġib taxi jew pizza jew saħansitra tagħmel xirja drajniha. Imma ma' din il-kumdità feġġet realtà ġdida ta' klassi ġdida ta' ħaddiema li rapport tal-Parlament Ewropew juri li huma bla vuċi u bla drittijiet. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa ... 

Illum l-apps saru popolari ħafna - apps biex iġġib taxi, apps biex iġġib l-ikel b'delivery, apps biex tixtri prodotti tal-ikel minn xi supermarket. U mhux biss tordna, pero' tkun taf ukoll fhiex waslet l-ordni tiegħek, jekk il-ħaddiem ġabarha, fejn wasal u jgħidlek xħin wasal.  

Kumditajiet li bil-mod, il-mod bdejna nidraw sew speċjalment wara l-pandemija li fissret illi għal ġimgħat konna prattikament imsakkrin ġewwa u allura ridna s-servizz jiġi għandna, minflok immorru għalih aħna.  

Imma wara din il-kumdità hemm eluf u eluf ta' ħaddiema madwar l-Ewropa, ħaddiema li kif jinnota rapport tal-Parlament Ewropew (The Platform Economy and Precarious Work) huma ġeneralment "bla vuċi, bla drittijiet u li jġorru ħafna iktar riskji" madwar l-Unjoni Ewropea.  

Dan ir-rapport, li fuqu mxew l-MEPs fil-Kumitat Ewropew tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali li għaddew riżoluzzjoni l-ġimgħa l-oħra, qed jitlob fost oħrajn li l-ħaddiema tal-pjattaforma jkollhom id-drittijiet kollettivi tagħhom imħarsa, li jkun hemm trasparenza kemm fuq kif ikunu impjegati u anke kif jitkeċċew jew aħjar jitwaqqfu mis-sistema filwaqt li jingħataw protezzjoni  - inkluż f'dak li jirrigwarda d-dħul tal-ħaddiema.  

Imma l-ħaddiema tal-pjattaforma min huma eżatt? U għaliex qed jiffaċċjaw problemi? 

Min huma dawn il-ħaddiema u xi problemi qed jiffaċċjaw? 

Magħrufin bħala 'ħaddiema tal-pjattaforma' propju għaliex hija din il-pjattaforma (app fuq mowbajl ġeneralment) li tiddeċiedi persuna kemm ikollha xogħol, ir-rittmu tax-xogħol u allura kemm dik il-persuna titħallas. Dan kuntrarjament għal dak li kien iseħħ tradizzjonalment, fejn huwa persuna li jiddeċiedi u jiddelega kif iqassam ix-xogħol lill-ħaddiem.  

Dan ifisser li f'din ir-rabta ta' xogħol hemm tliet aspetti: Il-ħaddiem, il-pjattaforma u l-persuna jew negozju li qed toffri s-servizz. Li jfisser illi fil-każ tal-ħaddiema tal-Bolt, il-Wolt u t-Time to Eat ikollok il-ħaddiem li jwassallek l-ikel, l-app u r-ristorant li qed joffri s-servizz.  

Din l-istruttura fetħet il-bibien għall-abbuż fis-sens li ħafna minn dawn il-ħaddiema huma meqjusin li mhumiex direttament impjegati ma' kumpanija imma li qed jaħdmu għal rashom.  

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew ifakkar li hemm erba' tipi ta' ħaddiema tal-pjattaforma: Persuna privata li qed toffri servizz lil persuna oħra privata, individwu privat li qed jipprovdi servizz lil kumpaniji jew professjonisti, inkella professjonisti - li għandhom status ta' ħaddiem jew persuna self employed - li qed jipprovdu  servizzi lil individwu jew inkella professjonisti li qed joffru servizz lil kumpanija.  

Fl-ewwel żewġ każi il-ħaddiema jistgħu jitqiesu bħala 'okkażjonali' - u għalhekk huma ma jaqgħux taħt il-Liġi tal-UE jew inkella taħt il-liġijiet nazzjonali li joffru protezzjoni soċjali f'qafas ta' tassazzjoni. Fit-tielet u r-raba' każ u allura fejn il-ħaddiem huwa meqjus bħala professjonist huwa jkollu status ta' impjegat jew inkella ta' self employed.  

Kif jinħoloq ix-xogħol?  

Huma l-pjattaformi li joħolqu x-xogħol, permezz ta' interazzjonijiet diġitali. Il-ħaddiema jagħtu d-dettalji tagħhom waqt li jkunu qed jeżegwixxu xogħolhom, permezz ta' geo-tracking - biex persuna tkun taf fejn hu l-ħaddiem, kif ukoll 'stand-by time'. Din id-data toħloq algorittmi li jwasslu biex jinħoloq l-allokazzjoni tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-evalwazzjoni.  

Kemm hemm ħaddiema tal-pjattaforma fl-Ewropa? U jagħmlu dan ix-xogħol regolarment? 

Skont studju minn Pesole et al tal-2018 ikkwotat minn dan ir-rapport li qed insemmu għal fini ta' dan l-artiklu, medja ta' 10% tal-popolazzjoni fl-Ewropa xi darba għamlu xogħol tal-pjattaforma. Dan sab ukoll li 2% tal-popolazzjoni adulta jaqilgħu aktar minn 50% tal-qligħ tagħhom minn xogħol ta' pjattaforma jew inkella jaħdmu f'impjieg simili, aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.  

Statistika tal-Ewrobarometru tal-2018 turi illi 6% tal-Ewropej pprovdew servizz bħala ħaddiema tal-pjattaforma filwaqt illi 19% ta' dawk li qatt ma ħadmu f'impjieg li jitratta l-pjattaforma jikkunsdraw li jagħmluh fil-futur. Sal-2018 23% tal-ewropej kienu diġà wżaw servizzi offruti online kkumparat mas-17% fl-2016, skont studju tal-Kummissjoni Ewropea. Probabbilment dan kompla jiżdied sew fl-2020 u din is-sena, minħabba l-impożizzjoni ta' lockdowns. 

Ir-rapport juri kif f'ċerti pajjiżi l-popolarità ta' dawn is-servizzi hija ħafna ikbar bħal fir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Olanda u Spanja u huma kkonċentrati l-aktar fl-oqsma tat-trasport, akkomodazzjoni, servizzi professjonali u servizzi fid-dar.  

Interessanti li dan ir-rapport jikkwota studju li juri kif inqas minn 8% tal-ħaddiema f'dan il-qasam jagħmlu xogħol tal-pjattaforma "b'mod regolari". Studju tal-ETUI juri kif fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja u l-Islovakkja bejn 1.9% u 7.8% tal-adulti jaħdmu f'dan it-tip ta' xogħol, imma huma biss bejn 0.4% u 3% li jaħdmu f'dan ix-xogħol kull xahar jew aktar frekwenti minn hekk.  

Madwar l-Ewropa, jgħid dan ir-rapport, l-aktar li jaħdmu f'dan il-qasam huma ġeneralment żgħażagħ li ġeneralment ġejjin minn sfond soċjali vulnerabbli, bħal immigranti. 

Bla vuċi. Bla drittijiet. Aktar riskji. 

Ir-rapport jidħol f'ċerta dettall f'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema u l-qagħda tagħhom.  

L-ewwel problema u dik fundamentali hija li ħafna minn dawn l-impjegati ma għandhomx status ċar tal-impjieg tagħhom jew inkella jitpoġġew bħala self-employed biex b'hekk ma jkollhom ebda drittijiet. Ir-rapport jgħid li dawn il-ħaddiema huma "imbuttati mingħajr konsultazzjoni ta' xejn, fl-inqas pożizzjonijiet favorevoli tax-xogħol, bi spejjeż ogħla."  

Kważi l-ebda ħaddiem tal-pjattaforma ma huwa impjegat b'mod formali. "Ħafna drabi d-dħul minn xogħol simili ikun baxx ħafna ... mhux stabbli, mhux sigur u mhux prevedibbli." Dan hekk kif dawn il-ħaddiema huma ġeneralment imħallsin ftit ċenteżmi għal kull biċċa xogħol li jkollhom.  

Jirrimarkaw kif il-kompetizzjoni bejn il-ħaddiema infushom għal kemm se jkunu qed iżommu flus għal kull biċċa xogħol, waslet għal "tiġrija sal-qiegħ", bl-ispejjeż kollha fuqhom.  Ħafna drabi huma jridu jħallsu għall-vettura jew mezz ta' trasport li jużaw, il-kont tal-mowbajl kif ukoll il-fjuwil għall-karozza.  

Ħafna drabi dawn il-ħaddiema lanqas biss ikunu assigurati u ma jitħallsux ta' ħin li jqattgħu jistennew biex jingħataw, jew jgħaddu x-xogħol lill-klijenti.  

F'każ ta' tkeċċija jew tnaqqis fi ħlas, il-ħaddiem ma għandux dritt ta' rikors jew li jressaq l-ilmenti tiegħu.  

Imma l-lista tkompli.  Dawn il-ħaddiema huma vulnerabbli għal diskriminazzjoni u ma jingħatawx  korsijiet ta' saħħa u sigurtà. 

Jiġu rated. Imma ma jistgħux jirrapportaw lura! 

Finalment ftakar li meta inti tagħti rating tajba lid-delivery li jkun ġablek il-pizza tkun qed tgħin lil dan il-ħaddiem biex ikollu iktar xogħol fil-futur. Rating ħażina taħdem il-kontra. Il-ħaddiem minn naħa tiegħu ftit li xejn għandu opportunità biex imerik jew jikkontesta rating ħażin minn naħa tiegħek. 

U x'qed jiġri madwarna? X'qed isir? Xejn? 

Franza hija l-unika pajjiż - permezz tal-El Khomri Law tal-2016 -  li introduċa leġiżlazzjoni mmirata lejn il-protezzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaforma, filwaqt illi r-reġjun Taljan ta' Lazio introduċa leġiżlazzlajoni simili wkoll. Din il-liġi qed tobbliga lill-pjattaformi biex ikopru assigurazzjoni f'każi ta' inċidenti industrijali.  

Dawk li jaħdmu fid-deliveries tal-ikel huma kklassifikati bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Renju Unit imma wkoll impjegati fi Spanja.  

Franza, mill-ġdid, iżda ddikjarat lil dawn il-persuni bħala 'ħaddiema' bid-drittijiet u r-rikonoxximent kollu li dan iġib miegħu. Ir-rapport jagħmel referenza għal każ fi Franza kontra Click and Walk, sit li permezz tiegħu mas-700,000 persuna jistgħu jiċċekkjaw informazzjoni dwar prezzijiet ta' prodotti f'supermarkets għal ħlas ta' ftit ewri fil-ġimgħa.  

Din il-prattika kienet ikkundannata u l-Qorti Franċiża ordnat lill-kumpanija tħallas €50,000. 

Fil-Belġju kien hemm ukoll passi għal-leġiżlazzjoni li kienet tara dħul minn xogħol mhux professjonali, bħal ħidma ta' ġardinar, xogħol żgħir relatat ma' kostruzzjoni u oħrajn, bħala dħul li huwa eżenti minn kontribuzzjonijiet soċjali.  

Il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana iżda ddikjarat din il-liġi bħala anti-Kostituzzjonali u li ma tirrispettax il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-kompetizzjoni ġusta.  

Ir-rapport jinnota kif il-leġiżlazzjoni tal-UE li tittratta x-xogħol u l-protezzjoni soċjali ġeneralment tapplika biss għal dawk il-persuni meqjusin "ħaddiema" u mhux persuni "self employed", li jfisser illi ħafna ħaddiema tal-pjattaforma - fil-prattika - ma jistgħux jiddependu fuq protezzjoni mill-UE.  

Fl-2019 kienet adottata r-regolament Platform to Business (P2B), li introduċiet trasparenza billi l-ħaddiema ikunu notifikati bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.  Iżda din hija limitata biss għal dawk il-pjattaformi li jagħtu servizz intermedjarju biss. Pjattaformi bħal Uber, Deliveroo u oħrajn fil-qasam tat-trasport u deliveries, per eżempju, mhumiex inklużi.  

U x'qed jipproponi dan ir-rapport tal-Parlament Ewropew? 

  • Il-Parlament Ewropew qed jipproponi li l-ħaddiema tingħatalhom informazzjoni b'mod obbligatorju u fil-ħin fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u bidliet f'dawk il-kundizzjonijiet 

  • F'każ li kont jitwaqqaf u allura jitwaqqaf l-impjieg tal-persuna hemm bżonn tingħata spjegazzjoni 

  • Mekkaniżmi li permezz tagħhom ikun irranġat diżgwid 

  • Rappreżentazzjoni kollettiva, permezz ta' unjins 

  • Aċċess għall-istorja tax-xogħol u ratings mogħtija lill-ħaddiema 

  • Ftehim globali għal kundizzjonijiet ġusti ma' pjattaformi multi-nazzjonali 

More in Politika