Analiżi | Bejn ħelsien mistħajjel u skjavitù. Il-ħaddiema, il-pjattaforma u l-ekonomija gig

L-ekonomija gig u allura r-realtà ta' kumpaniji li jużaw il-pjattaforma bħala l-mezz ewlieni tal-profitt.  Kull fejn inħarsu illum naraw ġarrejja tal-ikel ta' diversi kumpaniji - eżempju ħaj tal-ekonomija gig.  Imma din x'effett qed tħalli fuq il-ħaddiem?  Qed toħloq prekarjat ġdid?  U dan prekarjat iffaċilitat mill-istat?

Filwaqt li f’xi inħawi tal-Ewropa l-ħaddiema rreġistraw rebħiet importanti kontra l-korporazzjonijiet li jużaw il-pjattaforma bħala l-mezz ewlieni jew laterali kif jimmassimizzaw il-profitt, ħafna minn dawn ir-rebħiet jibqgħu limitati fid-dawl ta’ bidliet leġislattivi, relazzjonali u istituzzjonali li għadhom lura milli jseħħu, anke fl-istess pajjiżi fejn il-ħaddiema rreġistraw dawn ir-rebħiet.  

Sadanittant, ir-rebħa fundamentali, li fil-preżent tiddistingwi l-pajjiż li jrid ikompli fit-triq tal-esplojtazzjoni massima tal-ħaddiema billi jpoġġi l-akkumulazzjoni u l-konċentrazzjoni tal-flus ferm qabel id-drittijiet tal-ħaddiema, u l-pajjiż medjatur, anke jekk kawt u limitat f’azzjonitu, bejn il-profitt u d-dinjità tal-bniedem, hija msejsa fuq il-kunċett li l-pjattaforma mhix ambjent industrijali parallel.  

Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Ingliża, f’każ kontra Uber, simili għad-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-qrati fi Franza, Spanja u l-Olanda, tagħmilha ċara li l-pjattaforma bl-ebda mod ma teħles lis-sidien mid-dmir li jħarsu d-drittjiet fundamentali tal-ħaddiema, u li l-ħaddiema tal-pjattaforma huma ħaddiema mpjegati, mhux ħaddiema li jaħdmu għal rashom. 

Fil-kuntest tal-pjattaforma, id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tisħaq li s-sidien mhumiex sempliċiment ħuttaba bejn il-ħaddiema u l-klijenti, iżda huma kuntrattwalment u moralment responsabbli għax-xogħol u s-saħħa tal-ħaddiema.  Għalhekk, il-ħaddiema mqabbdin mal-pjattaforma għandhom dritt għall-protezzjoni tal-liġijiet industrijali daqs kull ħaddiem ieħor.  Deciżjoni mill-Qorti Suprema Ingliża kontra Uber li, għalkemm limitata ħafna fl-iskop tagħha, tinfed dritt fil-qalb ta’ dan il-kapitlu aħħari fl-istorja tal-esplojtazzjoni tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, it-triq tal-emanċipazzjoni tal-ħaddiema f’kuntest ta’ kapitaliżmu eġemoniku u selvaġġ, hija twila, hekk kif il-kumpaniji milquta mid-deċiżjoni tal-qrati msemmija se jibqgħu jħallsu pagi miżeri, u bla xkiel jaqtgħu lill-ħaddiema mit-tank tal-ossiġnu hekk kif ifetlilhom jerfgħu rashom u jitolbu dak li huwa bi dritt tagħhom.  

Minn Fejn Tlaqna

Fis-snin 50 u 60, fil-Punent inbniet mill-gdid l-infrastruttura tat-trasport, energija, eċċ tal-pajjizi milquta mill-gwerra, filwaqt li nbena pedament għall-konsumiżmu wiesgħa. Inħoloq il-‘welfare state’ u l-politika li tħeġġeġ ix-xogħol għal kulħadd. L-intenzjoni kienet li s-suq jirpilja u jikber.

Fis-snin 70 u 80, filwaqt li l-investimenti kapitali li kienu tant importanti biex l-Ewropa irkuprat baqgħu ġejjin, oħrajn bdew ifittxu regjuni irħas għall-produzzjoni industrijali. Fid-dell ta’ kriżi qawwija tal-enerġija tas-70ijiet, il-politika ta’ xogħol għal kulħadd u tul il-ħajja bdiet tixxellef.  Beda dieħel sew ix-xogħol prekarju. 

Fl-istess żmien bdew jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema mogħnija bis-snajja’ jew kompetenzi ġodda marbuta mal-elettronika. Il-proċessur tal-kelma u t-teknoloġija tal-informatika tfaċċaw fl-operat ta’ numru ta’ korporazzjonijiet. Meta, fl-1992, l-ITU illiberalizzat l-infrastruttura tal-komunikazzjoni, l-internet sploda. Is-suq irrejagixxa. Fl-istess ħin, l-għeruq tal-politka neoliberali, tas-suq isuq u tas-soċjetà li ma tezisix, bdew jinfirxu, u l-għajta li t-tkabbir ekonomiku huwa l-kejl ewlieni tas-suċċess ta’ pajjiż bdiet issir mantra globali. It-tnaqqir tal-welfare, il-privatizazzjoni ta’ numru ta’ servizzi pubbliċi u l-inċentivi (immorali) fiskali bdew jitqiesu bħala normali fil-ġungla ekonomika.  Tagħlim politiku li Malta għamlet vanġelu minnu, u li juri kif l-Istat, anke fl-era neoliberali, mhuwiex assenti. 

il-ħaddiema gig żdiedu qatigħ. L-aktar viżibbli huma l-ġarrejja tal-ikel; saru parti mill-pajsaġġ mobbli tat-toroq Maltin. U aktar kemm il-kriżi fl-imjiegi tikber, aktar ikun hemm min jiġi sfurzat ifittex xogħol ta’ dan it-tip Carmel Borg u Joe Gravina

Bħal klieb biċ-ċippa, ħafna mill-ħaddiema tal-pjattaforma huma mgħassin il-ħin kollu

L-era diġitali mhux biss imxiet ma’ dawn il-prinċipji neoliberali, iżda saħħet idejn is-sidien billi żiedet l-għassa fuq il-ħaddiema u l-klijenti. 

 Bħal klieb biċ-ċippa, ħafna mill-ħaddiema tal-pjattaforma huma mgħassin il-ħin kollu. 

Żvilupp fuq il-mudell ta’ Fred W. Taylor, il-qassis il-kbir tal-produzzjoni moderna, fejn il-prinċipju ta’ xogħol maqsum f’biċċiet sar aktar faċli tikkalkulah fuq bażi personali, b’mod aktar preċiż, permezz tal-algoritmi u bl-analiżi tal-informazzjoni miġbura waqt l-azzjoni.  Dan kollu f’isem id-diskors dominanti tal-effiċjenza u l-produttività. Relazzjoni distanti u bierda.  

Filfatt, bl-algoritmu jiddomina r-relazzjoni bejn il-ħaddiema u min iħaddem, dan tal-aħħar ma jkeċċix. Hija l-kodiċi li taqta’ lill-ħaddiema mill-kurdun umbiliku tax-xogħol.  U jekk il-ħadiema jibqgħu, iżda jaħdmu anqas u jirifjutaw ix-xogħol, l-algoritmu jitfagħhom lura. Il-kodiċi algoritmiku, mingħajr kwalifika kulturali jew soċjali, jixbaħ il-filtru tas-sit soċjali u nemmiesi, il-Facebook. F’dan il-kuntest, ir-rebħa tal-ħaddiema fil-Qorti Suprema Spanjola, favur trasparenza algoritmika li tiggarantixxi informazzjoni lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-ħaddiema ta’ kull pjattaforma, dwar x’formola algoritmika tkun qiegħda tintuża mis-sidien, hija rebħa tremenda u żverjalin għall-Istati li jinsabu f’raqda kompliċitarja mal-interessi tal-profitt bla skruplu.

L-ekonomija 'Gig' se tkompli tirranka ...

Kollox qiegħed jindika li l-ekonomija gig se tkompli tirranka fis-snin li ġejjin u titmalja sew mat-tessut soċjali.  Meta fl-2013-14, l-Aġenzija tal-UE, il-Eurofound, ħolqot mappa tal-aktar forom ġodda ta’ impjiegi, ix-xogħol mobbli dipendenti mill-użu tal-ICT kien l-aktar xogħol li ssemma’ (60%). Fis-sena 2020, l-istess studju sab  li kull pajjiż għażel dan ix-xogħol (100%). Sewqan il-klijent, twassil tal-ikel u prodotti oħra, u tindif huma fost is-servizzi offruti. Kumpaniji multinazzjonali, bħal Uber, eBay, Amazon, u AirBnB saru parti mid-diskors ta’ kuljum. Il-prekarjat daħal fid-dinja tan-normalità u ta’ ewl id-dinja.  Mingħajr ma jġorru l-obbligi tradizzjonali ta’ min iħaddem, dawn is-siti jħattbu l-ħaddiem mal-klijent, jieħdu ħsieb il-ħlas, u jżommu l-kummissjoni.   Il-klijent huwa parti integrali mill-proċess ta’ sorveljanza, il-kontroll tal-kwalità u l-iskuża għall-ħlas baxx.  

Bħall-bqija tad-dinja kapitalista, fil-kuntest Malti, il-ħaddiema gig żdiedu qatigħ.  L-aktar viżibbli huma l-ġarrejja tal-ikel; saru parti mill-pajsaġġ mobbli tat-toroq Maltin.  U aktar mal-kriżi fl-imjiegi tikber, aktar ikun hemm min jiġi sfurzat ifittex xogħol ta’ dan it-tip, bil-ħaddiema jitħallsu skont il-prodott jew servizz tal-mument u l-ammont u l-frekwenza tiegħu. B’hekk naraw kif dan il-progress teknoloġiku jieħu l-ħaddiema lura għall-imqieta ta’ żmien ir-rivoluzzjoni industrijali u qabel. Xogħol ta’ natura frammentata u temporanja li hu l-aktar forma li tiffaċilita l-isfruttament għax tibbaża fuq il-ħin u l-intensità tax-xogħol. Garanzija ta’ kompetizzjoni ħarxa fuq il-prezz; kapitlu ‘ġdid’ li ma jbiddel xejn dwar min hu l-proprjetarju tal-assi użati, jew l-istatus ta’ min iħaddem u min jaħdem. 

Tħambieq favur l-ekonomija ħadra li ma jindirizzax b’mod konkret id-drittijiet tal-ħaddiema, il-moralità fiskali, in-nuqqas ta’ żvilupp ekwu u l-iskjavitù modern huwa għajjat vojt u passatemp burgiż, imħallas mill-ħaddiema Carmel Borg u Joe Gravina

L-Ekonomija Gig,  l-Istat u x-xogħol prekarju

Iż-żieda fil-kumpaniji gig li joperaw hawn Malta tirrifletti l-valuri politiko-ekonomiċi li l-pajjiż iħaddan. Il-kumpaniji multinazzjonali ġew għax kienu garantiti flessibilità u ambjent tax-xogħol li jipprivileġġja l-interessi kummerċjali.  Il-fatt li ħafna minn dan ix-xogħol isir mill-barranin prekarji, iżid doża ta’ razziżmu fis-suq tax-xogħol lokali.  

Bil-ħaddiema izolati minn xulxin, l-Istat qiegħed jonqos moralment meta jibqa’ gallarija quddiem ix-xogħol indiċenti.  L-Istat irid jiggarantixxi li l-ħaddiema kollha jkollhom id-drittijiet bażiċi protetti konkretament. Fejn dawn id-drittijiet huma nieqsa, f’isem id-dinjità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-sotenibilità jimponihom, u mhux jinnegozja ma’ min il-qliegħ huwa l-qofol tal-eżistenza tiegħu.  Il-paċi industrijali mibnija fuq il-paċifikazzjoni tal-ħaddiema hija pożizzjoni politika immorali u soċjalmet inġusta, bl-apparat tal-Istat attivament kompliċi fl-inġustizzja soċjali.  It-tqassim tal-frak lill-ħaddiema ftit li xejn jagħmel sens etiku jekk il-ġustizzja pre-distributorja hija nieqsa mill-vokabolarju u l-azzjoni tal-Istat.  

Fi Stat Morali, il-ħaddiema m’għandhomx għalfejn imorru l-qorti biex jiksbu drittijiethom. L-Istat Morali jintervjeni b’saħħa f’isem is-sewwa u f’isem dak kollu li huwa moralment sostenibbli.  Aktar ma jintervjenu l-qrati aktar jinkixfu l-immoralitajiet tal-Istat.  

Stat li huwa fanatiku favur il-qliegħ, ġeneralment huwa kawt u pragmatiku fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema.  Kull mossa distributorja mill-Istat f’ambjent ekonomiku ossessjonat bil-qliegħ u t-tkabbir ekonomiku bħala l-kejl ewlieni tas-suċċess, hija maħsuba biex tippaċifika u taljena lill-ħaddiem, aktar milli biex twettaq il-ġustizzja soċjali.  

Għalhekk, il-leġislazzjoni trid tissaffa minn kull toqob u ambigwitajiet biex il-ħaddiema jagħrfu x’inhuma d-drittijiet tagħhom  u biex il-ħaddiema jaslu f’punt fejn f’każ ta’ litigazzjoni, huma s-sidien li jridu jippruvaw li l-ħaddiema m’għandhomx raġun, u mhux il-kontra.
Is-sigurtà tax-xogħol trid titħares f’kull ħin. Il-ħaddiema ma jistgħux imorru l-qorti mwerwrin li se jitilfu x-xogħol għax refgħu rashom jew għax sfidaw lis-sid.  

Stat Morali għandu dejjem ikun viġilanti u jara li l-ligijiet ma jippermettux toqob u kreattività immorali.  Stat morali jaħdem biex b’mod attiv u spedit jara li tinfirex ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema f’kull tip ta’ xogħol u relazzjoni industrijali.  

L-evoluzzjoni ekonomika m’għandhiex titħalla tmewwet ir-rappreżentanza tal-ħaddiema.  Aħna favur is-sigurtà tal-unjin u r-rappreżentanza awtomatika; favur il-protezzjoni istituzzjonali minn kull attentat mis-sidien biex iwaqqfu r-rappreżentanza tal-ħaddiema f’xogħol fluwidu.  
Leġislazzjoni Ewropea hija urġenti f’dan ir-rigward.  Tħambieq favur l-ekonomija ħadra li ma jindirizzax b’mod konkret id-drittijiet tal-ħaddiema, il-moralità fiskali, in-nuqqas ta’ żvilupp ekwu u l-iskjavitù modern huwa għajjat vojt u passatemp burgiż, imħallas mill-ħaddiema. 

More in Politika