Il-Qorti iddeċidiet li l-Maġistrat Nadine Lia ma għandhiex tibqa' tippresiedi l-każ ta' Repubblika, li fl-aħħar ġimgħat fetħet proċeduri kontra l-Maġistrat wara li din irrifjutat li tirrikuża lilha nnifisha mill-każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija. Dan hekk kif Repubblika qed tisħaq li l-Qorti għandha ġġiegħel lill-Kummissarju tal-Pulizija jieħu passi kontra individwi li kienu jmexxu jew jaħdmu fil-Bank Pilatus u li Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-bank iddeċidiet li għandhom jittieħdu passi kontrihom.
Repubblika qed tistaqsi għaliex dawn il-passi ma ttieħdux kontra dawn il-ħames individwi, fosthom Ali Sadr Hasheminjad u anke Mehmet Tazli, li, skont Robert Aquilina, tħalla jitlaq minn Malta minkejja li anke kontrih hemm mandat ta’ arrest. Intant mal-gazzetta ILLUM l-avukat ta' Repubblika u l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa għaliex l-Avukat Ġenerali "waħedha" iddeċidiet li toħroġ maħfra kontra numru ta' persuni li l-istess Inkjesta tal-Bank Pilatus tisħaq illi kontrihom għandha tittieħed azzjoni fuq ħasil ta' flus, Din hija xi ħaġa li dwarha fil-fatt l-Imħallef Christian Falzon ordna lill-Ispettur Pauline D'Amato mid-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji sabiex tixhed.
Repubblika kienet qed tisħaq li Lia ma għandhiex tmexxi dan il-każ tagħha kontra l-Bank Pilatus għax għandha parantela ma' Pawlu Lia - l-avukat tal-eks PM Joseph Muscat u - fi kliem Robert Aquilina, "allegat klijent tal-Bank Pilatus." Lia - li huwa missier ir-raġel tal-Maġistrat Nadne Lia - kien ukoll rappreżentant tal-eks Ministru Konrad Mizzi, li Aquilina fakkar illi kien assoċjat ma' Chen Cheng, in-negozjatur ewlieni Ċiniż mal-Enemalta. "Cheng kellu kont fil-Pilatus u għaldaqstant, dak li hu allegat li kien qed ixaħħam lill-klijenti tal-avukat Lia (Konrad Mizzi), kellu kont fil-bank li hu suġġett tal-kawża tagħna," żied jgħid Aquilina.
"L-irwol tal-Maġistrat Lia f'dan il-każ qed iwassal għal ksur ta' drittijiet għal smigħ xieraq, quddiem tribunal imparzjali. Il-Maġistrat Lia, la hi u lanqas tista' tidher, li hi imparzjali f'dan il-każ speċjalment minħabba l-parentela ma' Pawlu Lia," kien qal il-President ta' Repubblika wara li Lia rrifjutat li tirrikuża lilha nnifisha minn dan il-każ partikolari.
Għalhekk il-Qorti ordnat li l-kawża ta' Repubbika vs. il-Kummissarju tal-Pulizija titkompla taħt Maġistrat ieħor assenjat skont il-liġi.
"Insħossuna vindikati," kompla jgħid Aquilina quddiem il-Qorti dalgħodu, filwaqt li ħeġġeġ lin-nies ikomplu jingħaqdu ma' Repubblika li sostna iili qed titwemmen dejjem aktar mill-poplu u issa anke mill-Qrati.