‘Ma neskludix li terzi persuni jafu li għandhom responsabbilità kriminali x'jerfgħu għall-mewt ta’ Daphne’

Ħames snin wara l-qtil ta’ Daphne: X’tgħallimna? Saret ġustizzja? Għaliex lanqas wara dan il-qtil makabru ma konna kapaċi ningħaqdu? Jason Azzopardi jwieġeb

L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li ma jeskludix li hemm terzi persuni li b’xi mod jew ieħor jafu li għandhom “responsabbilità kriminali” xi jġorru għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bħal-lum ħames snin.

Mistoqsi jekk jaħsibx li ħames snin wara, kull min kien involut fl-assassinju, tressaq il-Qorti, Azzopardi insista li filwaqt li l-atturi ewlenin tressqu, jemmen li hemm nies li “jafu aktar” u hemm bżonn li joħorġu l-fatti kollha biex tkun saret ġustizzja.

“L-atturi ewlenin hemm qegħdin. Jekk kienx hemm oħrajn li kienu qed jgħinu minn wara l-kwinti, direttament jew indirettament għad irridu nsiru nafu. Jiena nemmen li hemm nies li jafu aktar u nitlob li jasal il-jum biex joħorġu l-fatti kollha biex nifhmu vera l-entità kriminali li ħolqot il-klima tal-impunità li qatlet lil Daphne.”

Iżda minn dan l-assassinju tgħallimna xi ħaġa jew Daphne nqatlet għalxejn? X’jaħseb l-Avukat tal-familja Caruana Galizia?

‘Tgħallimna li l-korruzzjoni toqtol u li hawn il-mafja’

“L-assassinju ta’ Daphne għallimna li l-korruzzjoni toqtol, li l-korruzzjoni għandha prezz, li l-impunità għandha konsegwenzi u li teżisti l-mafja f’Malta,” saħaq Azzopardi anke jekk qal li hemm affarijiet oħra li l-pajjiż baqa’ ma tgħallimx, inkluż għax fi kliemu għad ma hemmx biżżejjed protezzjoni għall-ġurnalisti u għax l-istituzzjonijiet għadhom mhux jimxu l-istess ma’ kulħadd.

Ix-xena mudlama għadha quddiemi. Ftit dawl fil-kurituri tal-Qorti. Niftakar lil Chris Cardona dieħel biex jiġi mitkellem mill-Maġistrat. Innutajna kemm-il darba Cardona daħal it-toilet. Kien jidher li kien taħt stress u ansjetà kbira

Qal li ħames snin wara dan l-assassinju għad hemm istituzzjonijiet li għandhom nuqqasijiet kbar u fost dawn semma dawk li sejħilhom “il-pudini” tal-Avukat Ġenerali. Fi kliemu, anke Pulizija “ġenwini” jitkellmu miegħu dwar kif dan l-Uffiċċju, fi kliemu, qed jiskredita x-xogħol li jkunu għamlu huma.

“Baqalna ħafna x’nitgħallmu. Nieħdu l-kummenti. Li taqra kummenti fuq il-midja soċjali b’nuqqas ta’ rispett lejn familja li tilfet mara, omm u bint, jew inkella attakki jew theddid lili, lil Robert Aquilina u oħrajn fis-soċjetà ċivili, sempliċiment għax qed nagħmlu xogħolna, juri kemm għadna lura. Ma hemm xejn ħażin li ma taqbilx. Imma hemm mod u mod kif tesprimi ruħek. ”

‘Biex naslu għall-verità kollha ma jistax jibqa’ jkun hemm indħil...’

Komplejna nitkellmu dwar l-għadd ta’ nies li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan l-assassinju. L-ILLUM tfakkar lil Azzopardi li dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għal kuntrarju tal-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana, tressqu ħafna nies il-Qorti. 

Wieħed mill-qattiela ammetta u tnejn oħra se jgħaddu ġuri. Tressaq l-allegat mandat u min issupplixxa l-bomba. Kif jista’ jgħid li l-ġustizzja għadha ma saritx?

“Le ma saritx. Biex ikun hemm il-ġustizzja jrid ikun hemm il-verità,” wieġeb.

Insista li kull familja li titlef lil xi ħadd għażiż, ikollha bżonn ‘closure’ aktar u aktar jekk il-mewta ma tkunx naturali.

“F’dan il-każ hemm bżonn ‘closure’ għas-soċjetà kollha. Biex naslu hemm irridu l-verità. Il-verità ma naslux għaliha jekk jibqa’ l-indħil ta’ terzi persuni biex il-Pulizija ma tiħux ċertu deċiżjonijiet. Wara l-inkjesta tal-Bank Pilatus, li swiet lill-pajjiż €7.5 miljuni, il-mandati ta’ arrest iffirmati mill-Maġistrat Ian Farrugia, intilfu ... għaliex wara sena u nofs għadu ma sar xejn? Għaliex l-Avukat Ġenerali, waħedha, ħadet deċiżjoni biex taħfer l-akkużi lil żewġ min-nies li skont il-Maġistrat Farrugia kellhom ikunu akkużati fuq ħasil ta’ flus?”

‘Hemm affarijiet ta’ ċertu entità li għadhom ma ħarġux u hemm bżonn joħorġu’

Fi kliemu, il-ġustizzja ssir biss meta joħorġu l-fatti kollha u biex dan isir iridu jkunu konklużi l-proċeduri kollha. Għal dan, fadal xhur.

“Għad għandna sistema fejn il-ġuri jsir darbtejn. L-ewwel meta ssir il-kumpilazzjoni tal-evidenza li ddum sentejn u mbagħad sentejn wara li tintemm, jibda l-ġuri u nispiċċaw nisimgħu l-istess xhieda. Fejn hi r-riforma mwiegħda? Mhux ġust għall-familja tal-vittma u lanqas għall-akkużati u l-familja tagħhom, ikunu min ikunu.”

Insista li qabel il-pajjiż ikollu għarfien tal-fatti kollha, il-ġustizzja mhux se ssir u qal li hu jaf “b’affarijiet ta’ ċertu entità li għadhom ma ħarġux u hemm bżonn joħorġu.”

‘Chris Cardona taħt stress u ansjetà kbira...’

Tkellimna dwar il-jum li fih inqatlet Daphne. Azzopardi rrakkonta li kien id-dar, fit-3:05pm meta rċieva telefonata mingħand Spettur jibki u jgħidlu: “qatluha, qatluha.” Jiftakar li kellu bżonn ipoġġi bilqiegħda u għal xi ħin ma kienx jaf x’għandu jagħmel. L-ewwel nies li tkellem magħhom kienu Karol Aquilina, Simon Busuttil u David Casa.

Madanakollu qal ukoll li minkejja x-xokk u r-rabja kbira li kellu, fil-fond ta’ qalbu, il-qtil ta’ Daphne ma kienx sorpriża assoluta għax, fi kliemu, kienu ilhom xhur jgħidu li “Daphne tħalliet waħedha.”

Tkun mexxej jekk f’dawn il-mumenti tkun kapaċi togħla ‘l fuq minn politika. Daphne ma kinitx ta’ partit. Lill-PN ikkritikatu. Lili kkritikatni wkoll. Ma kellha l-ebda kantunieri. Il-Prim Ministru jista’ jibgħat messaġġ li mhux business-as-usual

“Għadna sal-lum. Meta xi ħadd jagħmel kritika li ma tkunx togħġob lil min hu fil-poter, jiġi iżolat,” kompla Azzopardi.

Dakinhar filgħaxija, Azzopardi kien mar il-Qorti ma’ Peter Caruana Galizia u ma’ iben Daphne, Matthew Caruana Galizia, biex jitolbu r-rikuża tal-Maġistrat tal-Għassa li bdiet tmexxi l-inkjesta dwar l-assassinju fl-ewwel sinjal, talba bla preċedent.

“Ix-xena mudlama għadha quddiemi. Ftit dawl fil-kurituri tal-Qorti. Niftakar lil Chris Cardona dieħel biex jiġi mitkellem mill-Maġistrat. Innutajna kemm-il darba Cardona daħal it-toilet. Kien jidher li kien taħt stress u ansjetà kbira,” temm jgħid Azzopardi.

More in Politika