'Uffiċjal ta' Pilatus tħalla jitlaq minn Malta minkejja mandat ta' arrest' - Repubblika

Repubblika qalet dan hekk kif fetħet kawża kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija u qed takkużahom li qed jagħmlu 'farsa' mill-proċess ġudizzjarju

Il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina, akkuża lill-Pulizija u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali illi minħabba “nuqqas ta’ azzjoni” min-naħa tagħhom, eks uffiċjal tal-Bank Pilatus li għalih kien inħareġ mandat ta’ arrest, tħalla jitlaq minn Malta.

Aquilina qal dan dalgħodu waqt konferenza quddiem il-Qorti ftit wara li fetaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija li fihom qed jakkużahom li naqsu minn dmirhom meta ma ġewx arrestati l-uffiċjali tal-Bank Pilatus minkejja li f’Marzu 2021, Maġistrat iffirma l-mandati għall-arrest tagħhom.

Huwa għamel dan wara affidavit iffirmat mill-Avukat Jason Azzopardi li fih Azzopardi kiteb l-informazzjoni kollha li waslet għandu, inkluż dwar il-mandati ta' arresti li ġew iffirmati mill-Maġistret inkwerenti fl-inkjesta dwar il-Bank Pilatus.

Robert Aquilina semma l-eks Operations Supervisor tal-istess bank, Mehmet Tazli, li, skont Aquilina, tħalla jitlaq minn Malta minkejja li anke għalih hemm mandat ta’ arrest.

Fakkar kif xahar qabel dan ħalla Malta, il-Pulizija kienet fil-fatt akkużat b’ħasil ta’ flus lill-Bank Pilatus, bħala entità u talbet biex ikunu ffriżati l-assi kollha tiegħu. Arrestat u ressqet il-Qorti wkoll bl-istess akkużi, lil Claudenne Sant-Fournier li kienet il-Money Laundering Reporting Officer tal-istess bank.

“Dan skandlu. Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Pulizija li ma jobdux il-mandati ta’ arresti ffirmati minn Maġistrat, waslet biex dawn il-persuni jitilqu minn Malta daqslikieku xejn ma kien. Victoria Buttigieg u Angelo Gafà qed jagħmlu farsa mill-proċess ġudizzjarju,” kompla Aquilina.

Qal li b’Buttigieg, Gafà u d-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo, il-kriminalità organizzata f’Malta għandha moħħha mistrieħ.

“Ma nistgħux nippermettu li dan l-istat ta’ impunità jkompli,” kompla Aquiliina.

Kien għalhekk li saħaq li Repubblika ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tieħu l-azzjoni li ħadem illhomo.

“Qed nitolbu lill-qrati biex jieħdu azzjoni kontra l-Avukat Ġenerali talli ma ressaqx l-akkużi li ntalbu mill-Maġistrat fl-inkjesta dwar Pilatus,” temm jinsisti.

More in Politika