'L-akkużi tat-tliet kuntistabbli jtappnu r-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, kollu kemm hu'

L-NCPE tappella biex persuni fl-isfera pubblika ma jxerrdux ostilità lejn persuni b'kulur tal-ġilda differenti

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar il-fatt li tliet uffiċjali tal-pulizija jinsabu akkużati bil-ħtif u aggressjoni fuq persuni ta’ nazzjonalità barranija.

Filwaqt li l-NCPE tagħraf li l-Korp tal-Pulizija ħa azzjoni immedjata wara li rċieva rapporti tisħaq li, "dawn l-inċidenti mhumiex biss kundannabbli fihom innifishom iżda jtappnu wkoll ir-reputazzjoni tal-Korp tal-Pulizija kollu kemm hu."

Madankollu l-Kummissjoni tinnota wkoll ir-riformi li seħħew fil-Korp biex jipprevjenu u jindirizzaw imġiba ta’ dan it-tip. L-NCPE tisħaq li każijiet ta’ vjolenza razzista, kull fejn isiru, qatt ma huma inċidenti iżolati iżda jkunu marbuta ma’ kuntest ta’ inugwaljanza soċjali u mġiba ta’ mibgħeda normalizzata.

Il-każijiet kollha ta’ razziżmu, diskriminazzjoni u intolleranza huma theddida għas-soċjetà demokratika u għalhekk għandhom jiġu indirizzati bl-ikbar serjetà NCPE

Intant l-NCPE issejjaħ lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex janalizzaw l-istrutturi tagħhom bil-għan li jidentifikaw razziżmu sistemiku u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw li l-gruppi soċjali kollha f’Malta jkunu meqjusa u trattati bħala membri ugwali tas-soċjetà Maltija.

Il-Kummissjoni temmet tgħid li "persuni fl-isfera pubblika għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jippromwovu l-valuri tal-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali, u ma jxerrdux ostilità lejn gruppi abbażi tan-nazzjonalità jew il-kulur tal-ġilda tagħhom." 

More in Politika