'Isibu l-barranin, joħduhom fid-dlam u jsawtuhom;' It-tielet kuntistabbli jitressaq il-Qorti

Kienu kollegi tal-istess tliet pulizija li rrapportawhom lis-superjuri tagħhom

Fil-Qorti tressaq it-tielet kuntistabbli akkużat bi vjolenza eċċessiva, serq ta' persuna, offiża gravi u trattament ħażin ta' persuni barranin.

Il-kuntistabbli, li għad għandu biss 20 sena, tressaq il-Qorti llum waranofsinhar u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ilbieraħ, żewġ kunstistabbli oħra ta' 22 u 24 sena, ukoll tressqu l-Qorti.

Fil-Qorti ngħad kif dawn it-tliet uffiċjali, meta kienu jkunu xogħol filgħaxija, kienu jsibu l-barranin jgħabbuhom fil-karozza u jeħduhom f'post imwarrab f'Ħal Qormi fejn kienu jsawtuhom u jħalluhom hemm.

Il-kuntistabbli li tressaq illum kellu jiddaħħal Mater Dei b'uġigħ f'sidru fl-aħħar jiem u kien għalhekk li tressaq illum u mhux mal-kollegi tiegħu.

Kienu kollegi tagħhom li rrapportaw lill-istess tliet pulizija.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba persuni li għad iridu jixhdu.

Kif għamlet fil-każ taż-żewġ uffiċjali oħra, il-Qorti ordnat li anke dan il-kuntistabbli jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

More in Politika