Ftit jiem ilu tliet kuntistabbli żgħażagħ ġew sospiżi fid-dawl ta' investigazzjonijiet b'rabta ma' allegazzjonijiet li naqsu gravament fil-qadi ta' dmirijiethom, bl-użu ta' vjolenza mhux meħtieġa fuq individwi barranin. Prorpju fuq hekk, il-Ministru għall-Affarjiet Interni, l-Infruzar tal-Liġi u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri saħaq li minkejja kollox "huwa pożittiv li kienu l-kollegi fil-Korp stess li rrapportaw dak li ġara."
Camilleri saħaq li t-tibdiliet fi ħdan il-korp, fosthom bodycams fuq l-uffiċjali tal-pulizija għal aktar trasparenza waqt xi interventi, qed iwasslu biex inbidlet il-mentalità. Tant hu hekk li din il-bidla wasslet biex jiġi r-rapportat l-allegat reat. Fil-fatt qal li hemm bżonn li l-Korp ikompli fil-ħidma tiegħu, biex każijiet bħal dawn jiġu rapportati immedjatament.
"F'dan il-każ, ninsab sodisfatt li l-uffiċjali fil-Korp ħadu l-passi neċessarji," qal il-Ministru Camilleri.
Intant huwa saħaq li hemm bżonn ta' aktar kommunikazzjoni fuq l-immigrazzjoni, "kemm bħala politiċi, bħala Gvern u anke mil-lat ta' awtoritajiet." Temm jgħid li r-razziżmu u affarjiet relatati oħra, huma kkawżati minn nuqqas ta' informazzjoni, "u għalhekk hu importanti li din tiġi indirizzata b'dan il-mod."
X'kien irrapurtat fuq dan il-każ?
"Isibu l-barranin, joħduhom fid-dlam u jsawtuhom."
Nhar il-Ħadd, iż-żewġ kuntistabbli Rica Mifsud Grech ta' 22 sena u Jurgen Falzon ta' 24 sena, tressqu l-Qorti. Waqt is-seduta, ingħad li dawn it-tliet uffiċjali, meta kienu jkunu xogħol filgħaxija, kienu jsibu l-barranin jgħabbuhom fil-karozza u joħduhom f'post imwarrab f'Ħal Qormi fejn kienu jsawtuhom u jħalluhom hemm. Kienu l-kollegi tagħhom stess li rrapportaw l-allegati reati.
Intant it-tielet kuntistabbli Luca Brincat ta' 20 sena tressaq il-Qorti ilbieraħ waranofsinhar hekk kif kellu jiddaħħal l-Isptar Mater Dei b'uġigħ f'sidru fl-aħħar jiem u kien għalhekk li tressaq ilbieraħ u mhux mal-kollegi tiegħu.
It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba persuni li għad iridu jixhdu. Apparti minn hekk il-Qorti ordnat li t-tliet kunstistabbli żgħażagħ jinżammu arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.