'Għadna qed niddiskutu fuq ir-reviżjoni fil-liġi, biex it-tobba jsalvaw il-ħajjiet mingħajr limitazzjonijiet'

Il-Ministru Fearne saħaq li issa wasal iż-żmien li nindirizzaw 'din l-anomalija' 

"Id-diskussjonijiet għadhom għaddejin iżda l-ħsieb hu li fil-jiem li ġejjin inkunu nistgħu noħduha l-Parlament, għall-ewwel qari," qal il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Dan qalu aktar kmieni llum waqt konferenza dwar it-tilqim kontra l-influwenza u l-Omicron

Ftit xhur ilu Fearne kien ħabbar li mal-ftuħ tal-Parlament se jippreżenta emendi ġodda, wara reviżjoni tal-pożizzjoni ta' Malta dwar l-abort. Dakinhar huwa ikkjarifika li dan ma jfissirx li l-abort se jsir legali iżda li b'dawn l-emendi t-tobba Maltin ikunu jistgħu joperaw "u jsalvaw il-ħajjiet", mingħajr il-biża' li jiksru l-liġi. Dan kien qalu fid-dawl tal-każ ta' Andrea Prudente, li kellha tittieħed għall-kura fi Spanja. L-Amerikana, li kienet kważi erba' xhur tqila, kienet fuq btala mas-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer f'Malta, meta esperjenzat dak li t-tobba ddeskrivew bħala "korriment." Għalkemm il-fetu kien għad kellu qalb tħabbat, it-tobba infurmaw lill-koppja li ma hemm l-ebda ċans li l-fetu jgħix. Apparti minn hekk Prudente, kienet f'riskju li tieħu infezzjoni fid-demm, li eventwalment twassal għall-mewt. 

Illum il-Ministru Fearne saħaq li hemm bżonn li nindirizzaw "din l-anomalija u li fl-ebda każ ma jkun hemm professjonisti mediċi, li l-liġi torbtilhom idejhom milli jsalvaw il-ħajjiet." 

More in Politika