Il-Kurja lesta biex tilqa' l-istudenti u l-għalliema tal-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir fi skejjel oħra

Mhux qed ikun eskluż li l-Kulleġġ ma jkunx f'pożizzjoni li jiftaħ fil-bidu tas-sena skolastika filwaqt li l-Kulleġġ qed jakkuża lill-MUT li qed issabbat saqajha minkejja passi li ttieħdu inkluż is-sospensjoni tal-Bord tal-iskola

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret li qed tħejji pjan ta' kontinġenza biex tilqa' fl-iskejjel tagħha l-istudenti u l‑istaff tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir jekk l‑iskola ma tkunx f’pożizzjoni li tiffunzjona fil‑bidu tas‑sena skolastika 2022/23.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li s-Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika ilu għal diversi ġimgħat involut b’mod attiv f’taħditiet sabiex tiġi identifikata t‑triq ’il quddiem u dan wara l-kwistjoni taħraq li nqalgħet meta l-Provinċja Dumnikana, li l-Kulleġġ jaqa' taħt ir-responsabbilità tagħha, keċċa lil Mario Mallia minn surmast. 

"L‑Arċidjoċesi tesprimi d‑diżappunt tagħha li l‑kwistjoni għadha mhix solvuta ftit jiem qabel il‑bidu ta’ sena skolastika ġdida," kompliet l-istqarrija.

Is‑Segretarjat qed jibqa’ jħeġġeġ għal diskussjonijiet bil-għan li dawn iħallu riżultat pożittivi u tkun solvuta l-kwistjoni bejn il-Provinċja Dumnikana u l‑MUT. 

Jidher li riċentament saret laqgħa mal‑Arċisqof Charles Scicluna u li fiha l‑ġenituri esprimew it‑tħassib tagħhom "b’mod ġustifikat" dwar l‑inċertezza tal‑edukazzjoni ta’ wliedhom.

"L‑Arċisqof qal li se jonora l‑impenn li ħa biex iħares il‑ġid tal‑istudenti li huwa, u jrid jibqa’, prijorità ewlenija," spjegat kelliema għall-Kurja.

L‑Arċidjoċesi qed tirringrazzja lill‑awtoritajiet edukattivi tal‑koperazzjoni tagħhom kif ukoll lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, lill‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri Reliġjużi u lill‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja li qed jaħdmu biex din il‑kwistjoni tiġi konkluża b’suċċess.

Is-sitwazzjoni baqgħet mhux solvuta minkejja li l-Bord tal-Iskola ngaġġa surmast ġdid fl-aħħar jiem.

L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ jgħid li l-MUT qed twebbes rasha; Sospiż il-Bord

Intant, l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ akkużat lill-MUT li qed tibqa' ssabbat saqajha u qed twaqqaf kull tentattiv li qed isir biex l-iskola tiftaħ b'mod normali. 

L-amministrazzjoni qalet li llum stess saret laqgħa bil-għan li tinstab soluzzjoni iżda l-MUT qed tibqa' tordna tnejn mill-membri tagħha biex ma jikkolaborawx mas-Surmast il-ġdid tas-sekondarja biex tkun finalizzata t-timetable għas-sena skolastika li se tiftaħ.

Akkużat ukoll lill-MUT li qed tordna lill-membri tagħha biex ma jikkolaborawx mal-Kap il-ġdid tal-Iskola.

Insistiet li l-Kulleġġ ħa diversi passi biex tkun solvuta l-kwistjoni. Fost dawn qalet li r-Rettur tal-iskola kellu diversi laqgħat mal-għalliema u l-ġenituri u l-Provinċjal Duminkan offra li jkun sospiż il-Bord tal-Kulleġġ sakemm isiru diskussjonijiet fuq ir-ristrutturar tiegħu. 

Fakkret ukoll li s-Surmast il-ġdid intagħżel minn panel immexxi minn eks President tal-MUT u diversi edukaturi professjonali.

"Staff fl-iskola Primarja qed jaħdmu mar-Rettur biex jippreparaw għas-sena skolastika u għandhom fiduċja sħiħa fih," kompliet l-istqarrija.

Temmet tisħaq li l-Kulleġġ se jżomm lill-MUT responsabbli għad-danni li jista' jsofri minħabba l-azzjonijiet tagħha u appellat lill-MUT biex tfittex biss l-aqwa interess tal-istudenti u l-edukaturi.

"Il-Kulleġġ jemmen li b'kollaborazzjoni sħiħa bejn dawk kollha involuti, anke l-iskola Sekondarja tista' topera mingħajr il-bżonn ta' pjan ta' kontinġenza."

Aqra wkoll: 'Il-Bord tal-Kulleġġ twaqqaf biex iqaċċat l-irjus;' L-MUT tieħu l-każ ta' Mario Mallia quddiem il-Qorti

More in Politika