L-MUT tiddikjara tilwima kontra d-Dumnikani fuq it-tneħħija ta' Mario Mallia

L-MUT żvelat kif malli ir-Rettur tal-Iskola sar jaf li membri tal-istaff u ġenituri se jorganizzaw protesta paċifika intbagħtu tliet ittri legali lill-ħaddiema li fihom intalbu jwaqqfu din il-protesta

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) wettqet azzjoni spontanja dalgħodu f'appoġġ lejn it-tneħħija ta' Mario Mallia minn Kap tal-Kulleġġ San Bert, tneħħija li Mallia qal illi kienet frott l-insistenza tiegħu favur programmi li jmexxu 'l quddiem l-inklussività reliġjuża u tal-ġeneru fl-iskola. Dan kien miċħud mill-Kulleġġ illi fi stqarrija qalet li Mallia tkeċċa minħabba li kien qed jieħu deċċiżjonijiet b'mod unilaterali mingħajr ma javża jew jinforma lill-bord.

Intant dalgħodu l-MUT kkomunikat mal-Provinċjal tal-Ordni Dumnikana, li tmexxi l-iskola, u reġgħet kkundannat dan il-pass li sejjħtilu parti minn tattiċi drakonjani minn "psewdo-bord." L-MUT uriet l-appoġġ tagħha lejn Mallia u fakkret li dan huwa edukatur ta' rispett li ilu jmexxi din l-iskola għal 16-il sena. 

L-MUT żvelat ukoll kif malli ir-Rettur tal-Iskola sar jaf li membri tal-istaff u ġenituri se jorganizzaw protesta paċifika intbagħtu tliet ittri legali lill-ħaddiema li fihom intalbu jwaqqfu din il-protesta, mossa li l-istess unjijn iddeskriviet bħala "intimidatorja". L-MUT qalet illi r-Rettur, li f'dan il-każ lanqas huwa edukatur, ma jistax jassumi rwol ta' tmexxija tal-iskola u qalet li hi tqis illi r-Rettur u dak li reġgħet sejħet "psewdo-bord" ma għandhomx l-abilità li jmexxu l-iskola u jieħdu azzjonijiet, bħat-tneħħija ta' Mallia. 

Għalhekk l-MUT iddikjarat tilwima mal-Ordni Dumnikana u se tkun qed tħabbar direttivi aktar tard illum. 

Intant id-Dipartiment għall-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fi' ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta esprima solidarjeta ma' Mario Mallia. Id-Dipartiment saħaq li tul is-snin Mallia ħoloq kultura ta' inklussività, demokrazija u ta' rispett fil-Kulleġġ u "rnexxielu b'suċċess joħloq kommunità edukattiva li kienet kommessa li tippromwovi prinċipji ta' inklużjoni u ġustizzja soċjali."

More in Politika