'Il-Bord tal-Kulleġġ twaqqaf biex iqaċċat l-irjus;' L-MUT tieħu l-każ ta' Mario Mallia quddiem il-Qorti

L-MUT qalet li fil-każ quddiem it-Tribunal Industrijali se joħorġu aktar fatti li jikkonfermaw li t-tkeċċija ta' Mallia kienet inġusta

Il-Unjin Maltija li tirrappreżenta lill-għalliema (MUT) dalgħodu fetħet każ quddiem it-Tribunal Industrijali f’isem Mario Mallia li ftit tal-jiem ilu tkeċċa minn Kap tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt Valletta, liema Kulleġġ huwa mmexxi mill-Ordni Dumnikan.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, il-President tal-MUT, Marco Bonnici, qal li t-tkeċċija ta’ Mallia hija waħda “inġusta” u insista li apparti l-fatti diġà magħrufa, f’dan il-każ se jkunu qed joħorġu aktar fatti li jikkonfermaw dan.

Fakkar li l-MUT minnufih tat l-appoġġ kollu tagħha lil Mario Mallia l-istess kif għamel il-pubbliku inġenerali, l-istaff, il-ġenituri u l-istudenti.

Min-naħa tiegħu, Mario Mallia irreaġixxa għall-kummenti ppubblikati lbieraħ fuq The Sunday Times of Malta, li fihom ir-Rettur tal-Kulleġġ, Patri Aaron Zahra qal li mhuwiex minnu li Mallia tkeċċa minħabba policies ta’ inklussività filwaqt saħaq li l-eks Kap tal-iskola kien “inklussiv għal kulħadd” ħlief għall-Bord imwaqqaf mill-Ordni Dumnikan biex iħares l-edukazzjoni fl-istess Kulleġġ.

Madanakollu, Mallia insista li dan mhuwiex minnu u saħansitra qal li hu talab laqgħat kemm mal-Bord tal-Kulleġġ u anke mal-Provinċjal tad-Dumnikani, liema talbiet qatt ma ġew milqugħa.

Fi kliemu kien l-istess Bord li ma kienx inklussiv għax “il-komunità tal-iskola” ma kinitx involuta fil-funzjoni u fid-deċiżjonijiet tiegħu. Saħansitra qal li l-Bord twaqqaf sempliċiment biex “iqaċċat l-irjus” inkluż tiegħu.

Fost oħrajn qal li l-Bord kellu “diffikultà” b’koperattiva li twaqqfet biex tgħin lil dawk l-istudenti bi bżonnijiet speċjali li jkollhom diffikultà biex isibu xogħol.

“Inħossni fl-obbligu li nieħu dan il-pass kemm għalija u anke għal sħabi li għadhom parti mill-komunità għax inħoss li mhuwiex ġust li għax tiftaħ ħalqek tirċievi ittra bl-avukat, li jkun hemm min iċempillek jistaqsik għaliex tellajt Facebook post etċ,” kompla Mallia.

Min-naħa tiegħu, l-Ordni Dumnikan qed jiċħad li Mallia tkeċċa minħabba policies ta’ inklussività. Ir-Rettur, Patri Aaro Zahra qed jisħaq li l-Kulleġġ dejjem ħaddan dawn il-valuri sa mit-twaqqif tiegħu.

L-Ordni qed jgħid li Mallia tkeċċa minħabba “diversi kwistjonijiet maniġerjali u proċedurali li ilhom jinġemgħu u li b’dispjaċir baqgħu ma ġewx riżolti.”

Fil-każ, l-MUT qed tgħid ukoll li Mallia ma ngħatax id-dritt li jikkontesta l-allegazzjonijiet miġjuba kontrih u li tkeċċa fuq raġunijiet “infondati” u “malizzjużi.”

More in Politika