Il-ħajja tkompli togħla: L-inflazzjoni tlaħħaq is-7% imbuttata minn prezzijiet ogħla tal-ikel u xorb

Minkejja dan Malta tibqa' tesperjenza t-tieni l-inqas rata ta' għoli tal-ħajja fl-UE, l-aktar minħabba s-sussidji fuq l-enerġija...

Ix-xejra 'l fuq fil-prezzijiet kompliet għaddejja din is-sena, bil-prezzijiet jibqgħu kontinwament jogħlew u jilħqu rekords li ilhom ma jilħqu snin. Fil-fatt matul ix-xahar ta' Awwissu l-inflazzjoni laħqet is-7%, li hija żieda ta' 0.2% mix-xahar ta' qabel imma li hija kważi sitt darbiet iktar minn Awwissu tas-sena l-oħra. 

L-aktar fattur li qed iwassal għal din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja huma l-prezzijiet tal-ikel u anke x-xorb mhux alkoħoliku. Fil-fatt kienet innutata żieda fil-prodotti kollha tal-ikel, iżda b'mod speċjali dak tal-laħam ta' kull tip, prodotti derivati mil-laħam u prodotti magħmulin mill-qamħ u anke l-ħalib. 

Minkejja din ir-rata ta' inflazzjoni, ċifri tal-Eurostat li ħarġu llum ukoll juru illi pajjiżna għandu t-tieni l-inqas rata ta' inflazzjoni fl-UE kollha, fejn l-inflazzjoni medja kienet ta' 9.1% għal Awwissu. L-ogħla rati ta' inflazzjoni kienu reġistrati fl-Estonja (25.2%), il-Latvja (21.4%) u l-Litwanja (21.1%). Inqas minn Malta kien hemm biss Franza b'rata ta' inflazzjoni li laħqet is-6.6%.

Lura Malta, kienu l-prezzijiet tal-lukandi u ristoranti t-tieni l-akbar kontribut għall-inflazzjoni. 

Intant il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana illum ħabbar li l-Gvern se jkun qed jinvesti €600 miljun biex jilqa' iex jilqa' għaż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

More in Politika