Aġġornata | Ċekkijiet qabel il-Milied, għall-aktar faxxa batuta tas-soċjetà

Il-Ministru Caruana indika li fil-baġit li jmiss se jkun hemm żieda fil-pensjonijiet, aktar mis-snin ta' qabel

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li l-Gvern, sa' qabel il-Milied li ġej, beħsiebu jqassam ċekkijiet lill-aktar faxxa batuta tas-soċjetà. Huwa għamel referenza għall-kritika li kellu l-Gvern, meta ftit qabel l-elezzjoni qassam l-aħħar ċekkijiet ta' rifużjoni madankollu huwa rrimarka li dan il-Gvern beħsiebu jibqa' jqassam iċ-ċekkijiet, "sena wara oħra". 

Caruana qal dan hekk kif dalgħodu qiegħed jippreżenta d-dokument ta' qabel il-Baġit li fih jagħti tbassir ekonomiku għas-sena li ġejja u anke jagħti ħarsa dettaljata lejn il-finanzi tal-pajjiż. 

Minkejja li ma elaborax b'kemm se tkun iż-żieda, Caruana indika li fil-baġit li jmiss se jkun hemm żieda fil-pensjonijiet, aktar mis-snin ta' qabel.  

Intant waqt il-konferenza mal-imsieħba soċjali Caruana saħaq li matul l-2023, se jkun qiegħed jinvesti €608 miljun biex jilqa' għaż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija. L-inflazzjoni mistennija tkun it-tema prinċipali tal-Baġit li l-Gvern se jħabbar ix-xahar id-dieħel b'mod partikolari wara ż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar is-sussidji li qed joħroġ il-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuel. Qal li lill-pajjiż, is-sussidju tal-enerġija se jkun swieh €608 jew ftit aktar minn 3% tal-GDP.

Qal ukoll li r-reviżjoni tal-ispiża tal-Gvern se tkun qed twassal biex jonqos id-defiċit u dan mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitnaqqas is-sussidju tal-enerġija. Il-Ministru Caruana qal ukoll li l-Gvern qiegħed ibassar li d-dejn tal-pajjiż jibqa' stabbli sas-sena 2027. Min-naħa l-oħra, saħaq li sa' tmiem l-2022, id-defiċit se jkun ta' 5.8%, jiġifieri l-mira ippjanata għal din is-sena. 

More in Politika