Baġit 2023 | Il-GWU b'twissija lill-Kamra tal-Kummerċ... 'Mhux se naċċettaw tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA'

Iż-żieda fil-pagi titħabbar waqt il-baġit iżda l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) qed Jissuġġerixxi li din tista’ tkun madwar €10 fil-ġimgħa minn Jannar li ġej

Fi stqarija u risposta lejn il-proposta tal-Kamra tal-Kummerċ, il-General Workers’ Union (GWU) qalet li mhux se taċċetta l-ebda tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA.

Il-ftehim tal-COLA li kien daħal fis-seħħ fl-1990 kien maqbul bejn l-isħab soċjali kollha - min iħaddem, trejd unjins u Gvern. Matul dawn l-aħħar 32 sena, il-ftehim qatt ma nbidel, u jekk iseħħ dak li qed jiġi propost minn min iħaddem ikun qed isir ksur tal-liġi. Iż-żieda fil-pagi titħabbar waqt il-baġit iżda l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) qed Jissuġġerixxi li din tista’ tkun madwar €10 fil-ġimgħa minn Jannar li ġej.

“Meta l-ħaddiem ingħata ftit ċenteżmi skont il-mekkaniżmu, din ġiet aċċettata ... allura issa li ġejja għolja, ma tistax tintmess lanqas," insistiet l-GWU. Dan filwaqt li fakret li l-COLA tingħata lil kulħadd biex jinżamm l-istess 'purchasing power.'

Il-GWU żiedet tgħid li minħabba li l-Gvern qed jieħu l-miżuri meħtieġa, billi jassorbi l-għoli tad-dawl u l-ilma, fjuwil u ċereali, Malta baqgħet fost il-pajjiżi Ewropej bl-inqas rata ta’ inflazzjoni.

“F’kuntest storiku dan il-mekkaniżmu maqbul bejn l-isħab soċjali għen biex stabbilizza r-relazzjonijiet industrijali, hekk kif il-parti tal-inflazzjoni ġiet irribattata. Jekk immorru lura minn dan se jinħoloq inkwiet industrijali ma’ kullimkien,” temmet tgħid il-unjin. 

Dan kollu l-GWU qalitu fid-dawl tal-aħħar proposti mill-Kamra tal-Kummerċ. Is-Sibt li għadda, il-Kamra pproponiet li f'każi fejn il-ħaddiema li bejn Jannar li għadda u Jannar li ġej - kemm jekk bi ftehim kollettiv jew inkella permezz ta' żidiet fil-paga permezz ta' ftehim kollettiv li kien sar qabel  - raw il-paga tiżdied min iħaddimhom ma jkunx obbligat illi jagħti ż-żieda tal-COLA. Dan qed tipproponih hekk kif esprimiet tħassib li żieda qawwija fil-COLA - kif fil-fatt hija mistennija fil-Baġit li ġej sforz rati rekord ta' inflazzjoni - tista' twassal għal inflazzjoni ikkawżata minn żieda fil-pagi, li tgħid illi l-pajjiż imbagħad isib diffikultà biex joħroġ minnha. 

More in Politika