Baġit 2023 | Proposta biex min żdiditlu l-paga bi ftehim kollettiv ma jiħux iż-żieda kollha tal-COLA

Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li żidiet qawwija fil-paga permezz tal-COLA jistgħu jwasslu għal reazzjoni inflazzjonarja...

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li f'każi fejn il-ħaddiema li bejn Jannar li għadda u Jannar li ġej - kemm jekk bi ftehim kollettiv jew inkella permezz ta' żidiet fil-paga permezz ta' ftehim kollettiv li kien sar qabel  - raw il-paga tiżdied min iħaddimhom ma jkunx obbligat illi jagħti ż-żieda tal-COLA. Dan qed tipproponih hekk kif esprimiet tħassib li żieda qawwija fil-COLA - kif fil-fatt hija mistennija fil-Baġit li ġej sforz rati rekord ta' inflazzjoni - tista' twassal għal inflazzjoni ikkawżata minn żieda fil-pagi, li tgħid illi l-pajjiż imbagħad isib diffikultà biex joħroġ minnha. 

Rapporti indikaw COLA li tista' taqbeż is-€6 fil-ġimgħa li fil-fatt tkun l-ogħla żieda mogħtija, hekk kif l-inflazzjoni qabżet is-6% f'Ġunju - l-ogħla rata mill-2012. Il-COLA, li huwa mekkaniżmu maħdum fuq basket ta' prodotti u li jikkalkula żieda fil-pagi li tikkumpensa għall-għoli tal-ħajja, jinqasam fi tnejn: Parti jħallsu l-Gvern u parti l-impjegatur. 

Għalhekk il-Kamra tal-Kummerċ qed tisħaq illi dawk li kellhom żidiet minn ftehim kollettiv diġà b'xi mod qed ikollhom ilqugħ parzjali għall-għoli tal-ħajja. 

Fl-istess waqt, fost il-proposti tal-Kamra tal-Kummerċ, hemm dik li titnaqqas il-VAT fuq servizzi minn ristoranti u take away li fil-fatt żiedu l-prezzijiet b'mod qawwi. Ilbieraħ stess rapport tal-Bank Ċentrali wera' kif fl-ewwel kwart tas-sena dawn żiedu l-prezzijiet b'6.7%. Il-Kamra tal-Kummerċ qed tisħaq li ż-żieda fil-prezzijiet flimkien maż-żieda fil-pagi qed twassal biex dawn jitilfu l-kompetittività. 

Għalhekk qed tipporponi tnaqqis tal-VAT, minn 18% għal 7%.

Daqshekk sussidji fuq il-kontijiet ilhinn mill-eko kontribuzzjoni

Fil-proposti tagħha għall-Baġit 2023 u li jirrigwardaw l-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi illi kif qed jiġu ssussidjati l-kontijiet bħalissa huwa probabbli li qed isir "konsum eċċessiv" u għalhekk qed tipproponi li dawk il-units li huma lilhinn mill-eko-kontribuzzjoni ma għandhomx jibqgħu jkunu sussidjati. Dan filwaqt li qed tipproponi inċentivi biex in-nies ibiddlu l-appliances tad-dar għal dawk li huma ħafna iktar effiċjenti, filwaqt li qed tipproponi li l-Gvern iniedi strateġija fit-tul iffukata fuq il-bżonn li jiżdied l-użu tal-enerġija rinovabbli, fosthom b'investiment akbar f'enerġija solari u tar-riħ. 

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll li l-qasam tal-enerġija jkun liberalizzat sabiex b'hekk ikun hemm il-kompetizzjoni, anke f'dan is-settur. Kompetizzjoni li jfakkru illi eventwalment twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet u titjib fis-servizz. 

Minflok tal-linja b'xejn...

Fuq il-fjuwil il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li gradwalment jitneħħew is-sussidji u minflokhom jiddaħħlu inizzjattivi għal modi alternattivi ta' trasport. 

Minflok tal-linja b'xejn għal kulħadd il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi 'e-mobility wallet' li jkunu flus illi persuna tuża sabiex tkun tista' tuża mezzi alternattivi ta' trasport. 

Skema ta' rifużjoni għal xogħlijiet fid-dar...

Intant dwar il-qasam tax-xogħol il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jingħataw inċentivi ta' taxxa għal dawk il-Maltin li qed jaħdmu barra mill-pajjiż biex jirritornaw, filwaqt li qed jipproponi wkoll l-eliminazzjoni tad-diżinċentiv li mara tidħol fid-dinja tax-xogħol billi jkunu riveduti il-kategoriji tat-taxxa ħalli b'hekk il-ġenituri jgawdu mill-istess benefiċċji. 

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi wkoll sistema ta' rifużjonijiet fuq xogħlijiet li jsiru d-dar bħal rinovar , tindif u manutenzjoni, biex b'hekk jonqos ix-xogħol mhux iddikjarat f'dan is-settur. 

Ara x'qed tipproponi l-Kamra dwar ħaddiema minn pajjiżi terzi hawnhekk.

More in Politika