Fredrick Azzopardi jitlob li tinbidel il-Maġistrat u jisħaq li l-każ kontrih huwa 'estint'

It-talba saret hekk kif quddiem il-Maġistrat diġà deher il-kuntrattur involut fl-istess każ u dwaru diġà ttieħdet deċiżjoni u ngħatat multa 

Fredrick Azzopardi dalgħodu quddiem il-Qorti
Fredrick Azzopardi dalgħodu quddiem il-Qorti

L-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi talab li tinbidel il-Maġistrat li quddiema ttella’ dalgħodu l-Qorti akkużat li kiser il-liġijiet ambjentali.

Fil-Qorti, l-argument ta’ Azzopardi kien li l-Maġistrat Elaine Mercieca diġà semgħet u tat deċiżjoni tagħha f’każ simili. Huwa qed jargumenta wkoll li għadda wisq żmien minn fuq il-każ u għalhekk dan ma għandux jinstema.

Il-każ kontra Azzopardi jmur lura għall-2019 meta Infrastructure Malta ma mxietx mad-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi biex ma jsirux xogħlijiet f’Wied Qirda.

Huwa qed ikun akkużat li ordna lill-kuntrattur, Anthony Camilleri ta’ AC Group biex ikompli bix-xogħlijiet minkejja d-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Il-kuntrattur diġà deher quddiem l-istess Maġistrat minħabba dawn ix-xogħlijiet u weħel multa ta’ €36,000. F’dan il-każ, quddiem il-Qorti kien ġie spjegat kif fost oħrajn, il-kuntrattur kien qed jirċievi ordnijiet speċifikament mingħand Fredrick Azzopardi.

Aqra wkoll: Ftit persuni jilqgħu l-istedina ta' Cuschieri biex imorru l-Qorti b'appoġġ ma' Fredrick Azzopardi

Azzopardi qed jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li x-xogħlijiet ma setgħux ma jsirux minħabba periklu li kien hemm. Fil-fatt, f’kummenti li hu ta qabel il-każ, qal li jinsab ċert li mhux se jinstab ħati. 

Madanakollu, ix-xogħlijiet li saħħew triq li tagħti għal residenza privata f’żona sensittiva ekoloġikament irriżultaw fi ħsara ambjentali fejn saħansitra kellhom jinqalgħu anke siġar protetti.

F’Jannar 2020, Arnold Cassola kien irrapporta lil Azzopardi u talab li dan ikun investigat minħabba dawn ix-xogħlijiet li fi kliemu saru mingħajr permess. Il-Pulizija ma kinitx ħadet passi u kien għalhekk li Cassola ħa t-talba tiegħu quddiem il-Professional Standards Board.

Fredrick Azzopardi kien viċin ħafna l-eks Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg u rriżenja mill-kariga tiegħu ftit ġimgħat biss wara li nbidel il-Ministru. Illum huwa jaħdem mas-settur privat.

Hekk kif il-każ beda dalgħodu, id-Difiża tellgħet bħala xhieda lil Graziella Tabone mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi. 

L-Avukat Steven Tonna Lowell staqsa dwar ittra mibgħuta mill-istess awtorità. Madanakollu Tabone qalet li ma kinitx taf biha u ma setgħetx tikkonferma jekk il-multa li ssemmi l-istess ittra kinitx ġiet imħallsa.

Id-Difiża insistiet li l-illegalità damet inqas minn tliet xhur u tħallset multa għaliha. Tonna Lowell insista li l-pass li jmiss huwa li l-istess Awtorità tibgħat jixhed lil xi ħadd li jaf dwar l-ittra u l-multa msemmija. 

Kien hawn li Tonna Lowell informa lill-Qorti li se jkunu qed jitolbu għar-rikuża tal-Maġistrat minħabba r-raġuni msemmija aktar ‘il fuq. 

Insista li filwaqt li ma għandu l-ebda problema bl-integrità tal-Maġistrat, fakkar li hi diġà ffurmat opinjoni legali fuq każ simili.

Il-każ ikompli fis-27 ta’ Settembru.

More in Politika