Filmat | Ftit persuni jilqgħu l-istedina ta' Cuschieri biex imorru l-Qorti b'appoġġ ma' Fredrick Azzopardi

Azzopardi, li sa ftit tax-xhur ilu kien imexxi l-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta, ttella’ l-Qorti dalgħodu akkużat b’reati ambjentali

Ftit nies, madwar 20 persuna, laqgħu l-istedina tal-eks preżentatur ta’ One Radio Manuel Cuschieri li lbieraħ ħeġġeġ lil-Laburisti biex jinġabru quddiem il-Qorti u jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Fredrick Azzopardi.

Azzopardi, li sa ftit tax-xhur ilu kien imexxi l-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta, ttella’ l-Qorti dalgħodu akkużat b’reati ambjentali.

Uħud minn dawk li laqgħu l-istedina ta’ Cuschieri bdew iħeġġu lil Azzopardi biex jagħmel kuraġġ u ma jaqtax qalbu u saħansitra kien hemm min għajjat li issa Efimova se tkun qed tittella’ l-Qorti. Oħrajn bdew jagħjru lill-ġurnalista tal-Partit Nazzjonalista u jgħidulha: "imissek tistħi."

Il-każ kontra Azzopardi jmur lura għall-2019 meta Infrastructure Malta ma mxietx mad-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi biex ma jsirux xogħlijiet f’Wied Qirda.

Azzopardi qed jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li x-xogħlijiet ma setgħux ma jsirux minħabba periklu li kien hemm.

Fost dawk li qabżu għalih kien hemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li qal li l-istituzzjonijiet ċedew għall-pressjoni li saret biex Azzopardi jitressaq il-Qorti. Fuq Facebook, l-eks Prim Ministru qal li wasal iż-żmien li jitkellem kontra dawn f’pożizzjonijiet pubbliċi li qed iċedu għall-pressjoni “tan-nies tas-soltu.”

Warajh kiteb Cuschieri li għadu kemm twaqqaf milli jippreżenta fuq One Radio u ħeġġeġ lil-Laburisti biex iqumu u jmorru quddiem il-Qorti.

B'reazzjoni għal din l-istedina, il-President ta' Repubblika, Robert Aquilina qal li din hija sfida diretta kontra l-Prim Ministru Robert Abela, għax fi kliemu, il-fazzjoni ta' Joseph Muscat qed turi snienha fil-Partit Laburista.

More in Politika