Cuschieri jħeġġeġ lil-Laburisti biex jingħaqdu quddiem il-Qorti b'appoġġ ma' Frederick Azzopardi

Ilbieraħ anke l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ jiddefendi lill-eks Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta u akkuża lill-awtoritajiet li qed iċedu għall-pressjoni 'tan-nies tas-soltu'

L-eks preżentatur ta’ One Radio, Emanuel Cuschieri, qed iħeġġeġ lil-Laburisti u anke nies oħra biex għada jingħaqdu miegħu quddiem il-Qorti biex juru l-appoġġ tagħhom lill-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructre Malta, Frederick Azzopardi li se jkun qed jitressaq il-Qorti akkużat b’reati ambjentali.

Fuq Facebook, Cuschieri qal li huwa inaċċettabbli li persuni bħal Arnold Cassola (kandidat indipendenti) u Robert Aquilina (President tal-NGO Repubblika) jagħmlu pressjoni biex Laburisti jispiċċaw “imsallba.”

Kien Cassola li ressaq ilment kriminali kontra Azzopardi wara li Infrastructure Malta ma tatx kas ordni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jieqfu xogħlijiet li kienu qed isiru f’Wied Qirda fiż-Żebbuġ.

Anke l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-istituzzjonijiet ċedew għall-pressjoni li saret biex Azzopardi jitressaq il-Qorti. Fuq Facebook, l-eks Prim Ministru qal li wasal iż-żmien li jitkellem kontra dawn f’pożizzjonijiet pubbliċi li qed iċedu għall-pressjoni “tan-nies tas-soltu.”

“Aħna wkoll għandna l-leħen,” qal Muscat.

Min-naħa tiegħu, Cuschieri qal li huwa beħsiebu joffri l-appoġġ tiegħu lil Azzopardi quddiem il-Qorti b’mod ċivilizzat u dwar dan se jkun qed jagħti aktar dettalji llum.

Frederick Azzopardi qed jiddefendi lilu nnifsu billi jgħid li x-xogħlijiet li huwa ordna biex isiru sentejn ilu kienu bżonnjużi għax parti mill-Wied kienet se ċċedi u kien hemm bżonn intervent urġenti.

Ix-xahar li għadda, il-kuntrattur weħel multa għax ħadem b’mod illegali f’dan il-Wied.

'Sfida kontra Robert Abela'

B'reazzjoni għal din l-istedina, il-President ta' Repubblika, Robert Aquilina qal li din hija sfida diretta kontra l-Prim Ministru Robert Abela, għax fi kliemu, il-fazzjoni ta' Joseph Muscat qed turi snienha fil-Partit Laburista.

Fi kliemu, din hi atiċipazzjoni ta' dak li jiġri jekk Joseph Muscat "jiġi arrestat u mtella' l-Qorti fuq akkużi ta' korruzzjoni."

"Dawn huma kollha sinjali li qed joqrob il-mument ieħor ta' verità u li hawn min se jimmobilizza n-nies biex jipprova jiffranka l-ħabs," qal Aquilina.

More in Politika