'Il-ftehim li sar ma għandu ebda xamma ta' korruzzjoni... dik id-differenza' - Casa

David Casa jfakkar illi ma' Muscat fl-Ażerbajġan ma kinitx mistiedna l-midja u jgħid li fil-każ tal-UE kollox sar 'b'mod trasparenti'

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa, mistoqsi minn ġurnalist tal-midja tal-Partit Laburista qal illi d-differenza bejn il-ftehim li kien għamel Joseph Muscat bħala Prim Ministru u dak li sar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan, huwa li għal dan tal-aħħar kienet mistiedna l-midja kollha, "kollox sar bi trasparenza u ma hemm ebda xamma ta' korruzzjoni." Huwa kien qed jirreferi għal żjara li Muscat għamel fl-Ażerbajġan ftit wara li kien elett PM u li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna. Eventwalment Malta għamlet kuntratt li permezz tiegħu ntrabtet li tixtri l-gass mill-kumpanija statali tal-Ażerbajġan SOCAR.

Diversi esponenti tal-Partit Laburista kkritikaw lil David Casa, inkluż b'mod indirett l-eks Prim Ministru Muscat, għax qalu li dan ma qal xejn issa li sar dan il-ftehim mal-Ażerbajġan - li se jfisser illi l-Unjoni Ewropea tixtri total ta' madwar 12-il biljun metru kubu ta' gass. 

Aliyev kien issemma' wkoll fil-kwistjoni tal-Bank Pilatus hekk kif dan kellu kontijiet miftuħin fih, filwaqt li l-familja tiegħu kienet fiċ-ċentru tal-allegazzjoni li Michelle Muscat - permezz ta' Egrant - kienet irċeviet madwar $1 miljun minn bintu. Din it-tranżazzjoni iżda ma kinitx instabet minn inkjesta maġisterjali li fil-fatt lanqas sabet kont għal Egrant Inc. fl-istess bank.

Aqra hawnhekk aktar dwar il-ftehim u dwar dak li qal l-eks PM Muscat. 

More in Politika