L-Unjoni Ewropea se tkun qed taħdem mal-Ażerbajġan għal forniment ta' 12-il biljun metru kubu ta' gass

Lokalment l-eks PM Joseph Muscat fost dawk li jirreaġixxu u jisħaq li meta l-Gvern li jmexxi kien beda ftehim mal-Ażeri, il-PN kien u għajjruh korrott

Il-konferenza bejn Von Der Leyen u Aliyev
Il-konferenza bejn Von Der Leyen u Aliyev

Il-Kummissjoni Ewropea ambraċċat u aċċettat ir-reġim awtokratiku tal-Ażerbajġan hekk kif qed tfittex imsieħba ġodda għal fornitura tal-gass lejn il-kontinent, bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna twassal biex il-forniment tal-gass naqas bil-qawwi, bil-konsegwenza li hemm biża' li meta tasal ix-xitwa l-ewropa mhux se jkollha biżżejjed gass sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-konsumaturi, speċjalment fit-tramuntana fejn tagħmel ħafna kesħa. Kienet deċiżjoni tal-UE stess li wasslet biex il-gass mir-Russja naqas hekk kif l-UE - fuq quddiem ukoll il-Parlament Ewropew - ivvutaw favur sanzjonijiet li jkunu jfissru illi l-UE tieqaf tixtri gass Russu. 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen iltaqgħet mal-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev u sostniet li l-UE  mhux biss qed tfittex sħubija ma' dan il-pajjiż - sabiex b'hekk issaħħaħ il-fornitura tal-gass lejn l-UE - talli trid illi toħloq bażi ta' sħubija fit-tul għal enerġija nadifa u għall-effiċjenza fl-enerġija. Von Der Leyen qalet ukoll li mhux biss trid li jkun hemm kooperazzjoni fuq is-suġġett tal-enerġija mal-Ażerbajġan, imma trid li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa biex jintlaħaq il-potenzjal tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan. 

Ir-Russja twassal 155 biljun metru kubu ta' gass lejn l-UE, iżda l-pjanijiet mal-Ażerbajġan qed jaraw li jkunu fornuti 12-il biljun metru kubu. 

Dan il-ftehim wassal għal numru ta' reazzjonijiet lokalment. 

'Kemm kienu għajjruna meta snin qabel ħafna mill-pajjiżi l-oħra Ewropej, bdejna koperazzjoni mal-Ażerbajġan' - Muscat

Intant l-Ażerbajġan u ftehim tal-enerġija ma' dan il-pajjiż kien fil-qofol ta' kontroversja lokali kemm minħabba żjara li kienet saret f'dan il-pajjiż mill-eks PM Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u anke minħabba kontijiet li Aliyev kellu fil-Bank Pilatus. 

Fil-fatt ftit wara din l-aħbar Muscat  kien fost dawk li rreaġixxew għal din l-aħbar u spjega kif snin ilu kien l-eks Ministru Joe Debono Grech li kien semma' dan il-pajjiż l-ewwel u kien fakkru f'kemm il-PN kien għajjar lil Mintoff meta kien minn tal-ewwel li fetaħ relazzjonijiet maċ-Ċina, biex imbagħad ħafna pajjiżi oħrajn għamlu l-istess.

"Ħoll xagħarek u ġib iż-żejt kemm kienu għajjruna meta snin qabel ħafna mill-pajjiżi l-oħra Ewropej, bdejna koperazzjoni mal-Ażerbajġan,"qal Muscat f'messaġġ li kiteb fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook. Huwa qal illi permezz tal-ftehim mal-Ażerbajġan il-Gvern li kien imexxi raħħas il-kontijiet, li qal illi faqqru liż-żgħar, ħassru middle class u staġnaw in-negozju.

"Min jaf jgħidux li Von Der Leyen hija korrotta jew jiffalsifikawx xi firma biex jivvintaw li r-raġel tagħha għandu kumpanija u li ħa l-flus mingħand l-Ażeri." kompla jisħaq l-eks Prim Ministru, f'referenza ċara għall-allegazzjoni dwar Egrant Inc. u flus li kien allegat illi rċeviet din il-kumpanija mill-familja ta' Alyev

More in Politika