Ħatra Aġent President: Grech jakkuża lil Abela li ma ikkonsultahx imma Abela jfakkru li bagħatlu ittra tliet ġimgħat ilu

Bernard Grech jgħid li l-PM qabad u ħabbar Aġent President imma l-PM ifakkru f'ittra li bagħatlu tliet ġimgħat ilu proprju biex jikkonsulta miegħu din il-ħatra

Iċ-Chairperson tal-Wasteserv u Pro-Rettur tal-Università ta' Malta Frank Bezzina illum inħatar bħala Aġent President ta' Malta, kariga li fiha jieħu post il-President tar-Repubblika George Vella meta jkun indispost. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela waqqaf ħesrem il-konsultazzjoni mal-Kap tal-Partit Bernard Grech, "u dan minkejja li hu obbligat, bil-Kostituzzjoni biex jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar karigi bħal din." 

Madankollu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li proprju tliet ġimgħat ilu, fit-2 ta' Ġunju, il-PM kiteb lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jinfurmah, skont il-Kostituzzjoni, li xtaq jikkonsultah dwar il-ħsieb tiegħu li jaħtar lil Bezzina. Saħaq li Grech kien mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu fi żmien ġimgħa, "liema reazzjoni qatt ma ngħatat u l-ittra ġiet injorata." 

Intant Il-PN qal li Grech ilu x-xhur li beda kommunikazzjoni ma' Abela biex issir konsultazzjoni serja u effettiva dwar din il-kariga u oħrajn, "b' Robert Abela saħansitra kien wieġeb ittra tal-Kap tal-PN, fejn kien wegħedu li se jikkonsulta miegħu... Abela qed jagħżel li ma jikkomunikax".

Bezzina se jkun qed jieħu post l-eks Ministru Dolores Cristina, li serviet f'din il-kariga fl-aħħar xhur.

L-ittra li ntbagħtet lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
L-ittra li ntbagħtet lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

More in Politika