'Dan il-ġenn għandu jitwaqqaf immedjatament!' L-ADPD tappella għall-waqfien tal-proġett tal-bypass tal-Imrieħel

ADPD tisħaq li l-proġett tal-Imrieħel se jeqred 'wieħed mill-aħħar pulmuni ħodor ta' Ħal-Qormi' u li l-qerda ta' art agrikola hija theddida għall-għejxien tal-bdiewa u l-familji tagħhom

"Il-proġett tal-flyover konness mal-bypass tal-Imrieħel huwa xhieda oħra ta' kemm il-politika tat-trasport saret skjava tal-karozzi," hekk qal iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo flimkien ma' Sandra Gauci, Deptutat Segretarju Ġenerali tal-Partit waqt konferenza stampa. Huwa żied jgħid li d-dipendenza fuq il-karozzi privati hi rifless tal-fatt li tul is-snin, "Gvern wara l-ieħor ma rnexxilux b'mod prattiku jieħu miżuri favur il-mobilità sostenibbli."

"Il-Ministru l-ġdid tat-toroq, ftit ġimgħat ilu kien Ministru tal-Ambjent. Jidher li nesa dak li seta’ tgħallem meta kien f’dik ir-responsabbiltà," qalu Cacopardo u Gauci. Dan filwaqt li ssuġġerewlu biex jaqra l-istrateġija nazzjonali dwar it-trasport li "tgħidlu bl-iswed fuq l-abjad li f’dawn il-gżejjer 50% tal-vjaġġi bil-karozzi privati nagħmluhom għal distanzi qosra. X’ċertifikat ikbar jonqos li l-politika dwar it-trasport fil-pajjiż tul is-snin falliet?"

ADPD kompliet tgħid li b'dan il-proġett tal-Imrieħel, "se jeqred wieħed mill-aħħar pulmuni ħodor ta' Ħal Qormi u jwassal għal qerda ta' 20 tomna ta' art agrikola. Barra minn hekk, sejjer jeqred ġibjun kbir tal-ħażna tal-ilma kif ukoll li jinqalgħu minn posthom numru ta’ siġar protetti taż-żebbuġ u tar-rummien li xi uħud minnhom ilhom hawn għal mijiet ta’ snin." 

Gauci qalet li l-qerda "kontinwa" ta’ art agrikola hija theddida għall-għejxien tal-bdiewa u l-familji tagħhom. "Thedded il-provvista’ ta’ ikel lokali u l-ftit spazji miftuħa li baqa’. Tipperikola ukoll fondi Ewropej immirati għall-agrikoltura u li huma dipendenti fuq strateġija ċara favur dan is-settur," spjegat Gauci. 

Jgħidu li għalkemm il-Partit Laburista wiegħed nefqa ta’ €700m għat-tħaddir taż-żoni urbani madwar Malta, "ma jagħmilx sens li fl-istess waqt l-ispazji ħodor li għad fadlilna jkomplu jitnaqqru bi żvilupp ta’ kostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq." 

Cacopardo u Gauci jgħidu li dan il-proġett ma huwa xejn ħlief proġett ieħor ta' twessiegħ tat-toroq li "mhu se jwassalna imkien għax it-trafiku li suppost se jkun jista' jgħaddi minn hawn b'mod aktar faċli se jeħel fil-roundabout ta' Ħal Qormi. Dan il-ġenn għandu jitwaqqaf immedjatament." 

Carmel Cacopardo qal li l-għażla politika konnessa ma dan il-proġett hi jekk għandniex nagħmlu sagrifiċċju favur il-karozzi inkella sagrifiċċju favur il-biedja. Huwa temm jgħid li l-fieri favur il-biedja, waħedhom mhux biżżejjed u "jeħtieġ li l-biedja tkun imħarsa bis-serjetà." 

More in Politika