It-triq tal-Imrieħel trid issir bilfors... kif ser issir għadu qed ikun diskuss

Caruana Cilia jagħfas lil Farrugia fuq dwar il-proġett infrastrutturali tal-Imrieħel fil-Parlament

F'risposta għal mistoqsija parlamentari minn Jerome Caruana Cilia, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia kkonferma li l-proġett infrastrutturali matul il-bypass tal-Imrieħel se jkun qed isir żgur. Dan għaliex il-proġett innifsu hu mnizzel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li jiffurmaw parti min-network Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea.

Għaldaqstant, il-Ministru ċċara li dan il-proġett għadu fi stadju ta’ ppjanar u konsultazzjoni u ebda deċiżjoni finali għadha ma ttieħdet dwaru. Hawn Farrugia kien qed jirreferi għaż-żewġ għażliet li s'issa l-midja hi nfurmata bihom: Il-flyover oriġinali proposta mill-eks Ministru tal-infrastruttura Ian Borg jew inkella il-mina proposta mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi li minnu kien jagħmel parti Jerome Caruana Cilia sa' ftit xhur ilu sakemm ġie elett bħala deputat.

Il-pjanijiet proposti mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi, taħt il-gwida tas-Sindku Josef Masini Vento, ikkummissjonati mill-Kunsill stess u ddisinjati mid-ditta tal-arkitettura DAAA Haus kienu jinkludu mina b’erba’ karreġġjati minflok il-flyover propost minn Infrastructure Malta. 

Fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, ix-Shadow Minister tal-Finanzi Jerome Caruana Cilia, fakkar li l-proġett li kien imsemmi fil-leġiżlatura li għaddiet fiż-żona tal-bypass tal-Imrieħel fil-periferija ta’ Ħal Qormi, se jeqred bosta raba’ saqwi fiż-żona u jipperikola l-futur tad-delizzju tal-logħob tan-nar f'Ħal Qormi.

Għaldaqstant, il-Ministru irribatta illi fl-aħħar tal-2021 Infrastructure Malta ħabbret li bdiet il-proċess ta’ ppjanar u konsultazzjoni għal proġett ta’ titjib fil-junction bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju propju minħabba kisra perikoluza li "ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha seħħew ħafna ħabtiet koroh, b’uħud iwasslu għal imwiet."

Hu temm jgħid li l-bzonn ta’ titjib tas-sigurtà ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala "diffikultà inkwetanti fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006." 

Għan importanti ieħor ta’ dan il-proġett propost skont il-Ministru Aaro Farrugia, hu l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda għal modi alternattivi għall-ivvjaġġar, fosthom passaġġi għar-roti u l-mixi bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi.

More in Politika