Il-futur ta' Bernard Grech bħala Kap tal-PN se jkun deċiż bejn is-27 u t-28 ta' Mejju

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ippreżenta n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jivvotaw fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista bejn il-Ġimgħa 27 u nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Fuq Facebook, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar dan hekk kif ippreżenta n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ħinijiet tal-votazzjoni se jkunu il-Ġimgħa bejn il-5pm u d-9pm f’Malta u bejn il-5pm u t-8pm f’Għawdex u s-Sibt bejn it-8am u l-5pm f’Malta u f’Għawdex bejn it-8am u t-3pm. 

Se jkun hemm ukoll il-votazzjoni bikrija nhar it-Tnejn 23 ta’ Mejju bejn il-5 u d-9pm fid-Dar Ċentrali u bejn il-5pm u t-8pm fis-sub headquarters f’Ta Sannat f’Għawdex.

Grech kien l-uniku kandidat li wera interess li jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap li trid issir bilfors, skont l-istatut, ġaladarba l-PN tilef l-elezzjoni.

Peress li Grech se jikkontesta waħdu, dejjem skont l-istatut, il-vot ma jmurx quddiem it-tesserati imma jittieħed vot sigriet fil-Kunsill Ġenerali.

Bernard Grech insista li jinsab determinat li "bl-appoġġ b’saħħtu tal-kunsillieri" jkompli jieħu "d-deċiżjonijiet meħtieġa" biex jissaħħaħ il-Partit u jerġa' jsir rebbieħ.

Aqra wkoll:

More in Politika