Jibqa' jew le? Ħarsa lejn l-akbar vantaġġi u żvantaġġi li l-PN iżomm l-istess tmexxija

Kollox jindika li Bernard Grech se jibqa' Kap tal-PN minkejja telfa ta' kważi 40,000 vot fl-aħħar elezzjoni. X'inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi? Il-PN jiflaħ għal elezzjoni interna oħra? U la daqstant ma kkonvinċiex fl-elezzjoni, għaliex Grech jaħseb li se jikkonvinċi issa? 

Kif kien mistenni l-Partit Nazzjonalista jinsab fl-aħbarijiet u mhux eżattament għall-aħjar raġunijiet. Dan jiġri kull darba bil-partit li jkun tilef elezzjoni, filwaqt li l-partit rebbieħ jieħu l-ħin tiegħu igawdi t-togħma tar-rebħa u jipprepara lilu nnifsu biex imexxi. Minn naħa l-oħra l-partit li jkun tilef jipprova jifhem aħjar fejn mar ħażin u x'seta' għamel aħjar.  

Minkejja li kienet din il-gazzetta li żvelat kif Bernard Grech kien qed jgħid li huwa jibqa' jmexxi lill-PN jekk jitlef b'distakk ta' 30,000 vot, huwa ċar issa li Grech jinsab determinat li jibqa' fit-tmun ta' dan il-partit minkejja li d-distakk kien ikbar: 39,500 vot.  

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-pożittiv u n-negattiv tal-istess tmexxija tal-PN għas-snin li ġejjin.  

Tajjeb jew ħażin li Bernard Grech probabbilment se jibqa' jmexxi lill-PN?  

Tajjeb għax jinħoloq vakuum 

Fost il-ħafna aħbarijiet ħżiena għall-PN, wara din l-elezzjoni, hemm il-fatt li ma jidher li hemm ħadd papabbli u ħadd fil-partit kollu li jidher illi huwa lest li jikkompeti għal din il-kariga. Dan il-vakuum huwa perikoluż għall-PN, għalkemm parti minnu fir-realtà inħoloq minn Bernard Grech innifsu li frisk mit-telfa elettorali mill-ewwel qata' saqajn kull min kellu xi ambizzjoni għat-tmexxija, meta hu ddikjara li mistenni jitlob għall-fiduċja tal-Kunsilliera sabiex jibqa' jmexxi l-partit hu.  

Naturalment il-fatt illi l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddikjara mill-ewwel li se jkun qed jibqa' taqta' qalb kull kontestant ieħor, speċjalment fid-dawl tal-fatt li għalkemm bdew jidhru l-ewwel sinjali ta' skumdità bi Grech - speċjalment minn ċerti nies li ħadmu biex ikun Kap - dawn għadhom sinjali żgħar u Grech għadu fil-ħin biex jikkontrolla u jmewwet ħafna mir-reżistenza li tista' tqum kontrih fix-xhur u snin li għaddew.  

Jibqa' fatt iżda li fil-perċezzjoni ta' ħafna fil-partit u lilhinn minnu, l-unika persuna li tista' effettivament iġġib bidla reali u ddawwar 13-il sena ta' telf bla preċedent, hija Roberta Metsola. Minkejja dan, il-kariga tagħha u anke l-mod kif qed tesegwixxi r-responsabilitajiet tagħha jpoġġu f'dubju sejru r-ritorn tagħha fix-xena politika lokali.  

Dan ifisser allura illi t-tluq ta' Bernard Grech mill-kariga jista' jfisser vakuum fit-tmexxija għal xi żmien li jkun ifisser ukoll illi l-Oppożizzjoni tidħol fil-Parlament mingħajr ma lanqas biss tkun taf min se jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni ftit ġimgħat wara. Vakuum fit-tmexxija huwa ħażin ukoll fid-dawl tal-istat illi l-PN jinsab fih, kemm f'livelli ta' enerġija (jew nuqqas tagħha) u anke finanzarjament - hekk kif Bernard Grech sa fl-aħħar ikkonferma r-rapporti kollha li deheru fuq diversi gazzetti - inkluż l-ILLUM - u allura kemm il-qagħda finanzjarja hija ħażina u d-dejn kemm huwa kbir.  

Tajjeb għax il-partit ma jiflaħx għal tiġrija interna oħra 

It-tieni raġuni għaliex hija aktar pożittiva li Bernard Grech jibqa' torbot mal-istat tal-PN, li apparti li qed jiffaċċja snin ta' telf u li sal-elezzjoni li ġejja se jkun ilu 14-il sena fl-Oppożizzjoni għadu qed ibati mill-konsegwenzi tal-elezzjoni interna tal-2017 li eleġġiet lil Adrian Delia u li wasslet biex dan il-partit prattikament jinfired bejn dawk favurih u dawk kontrih. L-elezzjoni interna tal-2020 saret wara elenku ta' laqgħat u tentattivi biex Delia jitneħħa, voti kontrih u b'rivolta fil-miftuħ mill-Grupp Parlamentari - filwaqt illi għexieren ta' nies fuq barra kienu qed jarmu t-tesseri u jgħajjru lid-Deputati ta' kontra Delia tradituri.  

L-effett ta' dawn l-episodji kienet ħsara kbira lill-PN, ħsara li sempliċiment ma jiflaħx għaliha bħalissa. Elezzjoni interna bħalissa, bil-Kap tal-PN juri kull intenzjoni li jibqa' tkun tfisser ħaġa waħda: Sfida diretta lill-Kap kurrenti u allura - mill-ġdid - qasma ċerta li tibqa' tikkumplika s-sitwazzjoni tal-PN. 

Ħażin, għax Grech ġie sfiduċjat bil-kbir!  

Il-kampanja elettorali kienet miġġielda, mill-ġdid, fuq livell Presidenzjali. Dan ifisser li l-għażla kienet qed titpinġa bħala waħda bejn Robert Abela u Bernard Grech, u xhieda ta' dan huma l-aħħar billboards tal-kampanja. Tal-PN kellu ritratt kbir u prominenti ta' Bernard Grech - kif fil-fatt kellhom ir-riklami prominenti fuq diversi ġurnali, inkluż l-ILLUM - u tal-Labour kellu lil Robert Abela, flimkien ma' martu Lydia Abela. Mela l-messaġġ li kienu qed jibgħatu l-PN u l-PL u l-użu tal-immaġini - apparti naturalment l-fokus tal-kampanja innifisha - kollha kienu jippontaw lejn kampanja presidenzjali.  

Fuq dan il-livell allura Bernard Grech ġie sfiduċjat bil-kbir mill-poplu, għax sofra l-akbar telfa elettorali li qatt sofra partit mill-Indipendenza lil hawn. Dan huwa fatt numeriku, li anke fid-dawl tat-tnaqqis fil-voti għall-Partit Laburista (u aktar għall-PN) ma jista jmerih ħadd.  

Allura l-fatt li Bernard Grech irid jibqa' fil-kariga, minkejja li dan jaċċerta li ma jkunx hemm vakuum u tnaqqas miċ-ċans ta' elezzjoni interna dannuża u li tifred, għalissa ftit li xejn jista' joħloq entużjażmu ġdid fil-PN. It-telfa għadha friska ħafna kif għadha l-kampanja u allura qajla wieħed jista' jimmaġina li fiż-żmien li ġej min ma kienx konvint bil-prestazzjoni ta' Grech waqt il-kampanja, se jbiddel ħsiebu issa, anke jekk ma jkunx kuntent bl-ewwel passi tal-Gvern il-ġdid ta' Abela.  

F'dan il-punt ħafna minn dan l-entużjażmu jistgħu jressquh  l-aktar lejn il-partit id-deputati l-ġodda Nazzjonalisti, li ngħataw imbuttatura tajba mill-elettorat nazzjonalist. 

Grech kien elett Kap tal-PN fi żmien fejn dan il-partit kien qed jirreġistra telf qawwi fis-sondaġġi u wara t-telfa tal-2019 (Parlament Ewropew) li kienet tiżboq it-42,000 vot distakk. Dan ifisser illi l-aspettativi għalih kienu għoljin, forsi mhux daqsant għoljin li jirbaħ l-elezzjoni, imma li d-distakk jonqos. Mhux talli din ma ġratx, talli ġara l-kontra! 

Ħażin, għax il-Kap ta' Partit jiddeteremina ħafna fejn imur ir-riżultat! 

Il-Kap jew mexxej mhuwiex kollox, imma huwa ħsieb jew idea fallaċi li wieħed jemmen illi l-Kap/Mexxej ma jagħmilx id-differenza kollha jew ħafna mid-differenza ta' kif u fejn imur riżultat elettorali.  

U dan jista' jkun ippruvat mill-istorja politika tal-aħħar 30 sena.  

L-akbar mexxejja politiċi tal-aħħar sekli dejjem kienu "akbar mill-partit" li kienu qed imexxu. Jekk inħarsu lejn l-aktar żewġ mexxejja ikoniċi tal-aħħar żminijiet - Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami - it-tnejn kellhom persona politika li kienet akbar mill-partit u li wasslet biex eluf ta' nies ivvutaw lil dak il-partit. Tant hu hekk li fil-każ tal-Labour - fejn ikun hemm storiċi u osservaturi li jgħidu illi l-lealtà lejn il-mexxej dejjem kienet akbar milli fil-PN - inħolqot l-espressjoni "Jiena mhux laburist imma Mintoffjan." 

Wara dawn kien hemm Joseph Muscat, li mhux talli kien akbar mill-Partit Laburista talli l-miġja tiegħu bħala Mexxej Laburista fl-2008 (kważi waħedha) waslet biex sena biss wara madwar 30,000 votant daru mal-Labour u għall-ewwel darba taw distakk ta' 30,000+ lil dan il-partit. U minn dakinhar il-PL baqa' dejjem jirbaħ b'dawn il-marġini. Koinċidenza?  

Kellek ukoll lil Lawrence Gonzi u minn naħa l-oħra lil Alfred Sant. Meta kollox kien qed jindika li l-PN kien se jitlef l-elezzjoni tal-2008, anke jekk b'distakk li mhux akbar minn 3,000 sa 4,000 vot - il-kampanja tal-PN illi ċċentrat madwar il-Kap (GonziPN) u l-abilitajiet komunikattivi tajbin ta' Gonzi - kuntrarjament għal ta' Sant - kif ukoll il-fatt li Gonzi kien aktar fdat minn Sant, tat rebħa lill-PN.  

U fil-każ ta' Robert Abela, l-istess. Abela dejjem kien aktar popolari mill-Partit Laburista u ħafna aktar fdat minn Bernard Grech. Fil-fatt jekk wieħed iħares u jistudja bir-reqqa kull sondaġġ (MT, Times u Vince Marmara) jsib li r-riżultat elettorali ta' Marzu kien iqarreb dejjem mal-fiduċja lejn il-mexxejja.  

Mela allura huwa ċar, li l-partit rebbieħ huwa dak li għandu mexxej illi l-aktar li jispira fiduċja. U akbar kemm tkun il-fiduċja, akbar tkun ir-rebħa.  

Xi jġiegħel lil Grech, il-Kunsilliera tal-PN u ħafna attivisti jemmnu li dak li ma ġarax f'sentejn - minkejja l-intoppi kollha li kellu Abela u minkejja l-problemi kollha li kellu wkoll fosthom ta' nepotiżmu, ksur ta' etika u anke d-deċiżjoni tal-FATF fuq Malta - se jiġri issa?  

Tajjeb għax issa Grech jista' jkollu t-tim tiegħu! 

U finalment il-fatt li Grech jibqa' hija tajba, għal Grech innifsu għax issa se jkollu t-tim tiegħu, kemm fit-tmexxija u anke fil-Grupp Parlamentari, anke jekk ironikament l-ewwel li telqu kienu t-tnejn mit-tim tiegħu, magħżulin minnu: Ray Bezzina, li kien l-id tal-lemin ta' Grech u Chris Peregin, li kien l-id tax-xellug.  

Imma ladarba jiftaħ il-Parlament dan it-tim fil-Grupp Parlamentari issa jibda l-ħidma tiegħu u naraw biż-żmien kemm dan it-tim ta' nies bħal Darren Carabott, Jerome Caruana Cilia, Alex Borg, Julie Zahra u diversi oħrajn se jkunu qed iħallu l-effett u jkunu vuċi soda għall-kostitwenti u l-poplu.  

Grech ma jistax jinsa li sabiħ, kemm hu sabiħ il-ġdid - fil-politika il-musmar il-ġdid jikkumplimenta lill-qadim u mhux jaqilgħu. Il-Kelliema l-ġodda tal-PN se jkollhom bżonn l-għajnuna u l-gwida - kemm jista' jkun u l-aktar minn dawk li għandhom l-esperjenza ta' snin fil-partit u fil-politika. Esperjenza ta' kif jitkellmu, kif jiddibattu, kif jirreaġixxu għal dak li jgħid l-avversarju u fuq kollox ta' kif jiġu proposti.  

It-tim ta' Grech għadu jitwieled u l-prova tal-kapaċitajiet tiegħu għad trid tibda tingħata fil-ħidma Parlamentari li se tkun qed tibda nhar is-7 ta' Mejju.  

More in Politika