Abela jwiegħed lil Zelensky li Malta se tkompli tkun spalla ma' spalla mal-Ukreni kollha

'M'inthomx waħdekom, Malta tinsab warajkom' - Il-Prim Ministru Robert Abela

Illum il-Prim Ministru Robert Abela f'indirizz lill-President Ukren Volodymyr Zelensky fil-Parlament Malti, saħaq li Malta lesta li tibqa' tassisti lill-Ukranja u ċ-ċittadini tagħha u li Malta se tkompli twassal leħinha meta u fejn ikun hemm bżonn "minkejja li aħna pajjiż żgħir marbuta bil-prinċipju tan-newtralità." Huwa wiegħed lill-President Ukren li Malta se toffri spalla għall-Ukreni kollha li telqu minn pajjiżhom biex jaħarbu l-Gwerra u l-komunitajiet kollha li jinsabu fil-gżejjer Maltin l-appoġġ meġħtieġ inkluż biex jintegraw fis-soċjetà. 

"Jekk hemm serħan ta' moħħ li nista' nagħtik, President Zelesky huwa li l-weġgħat u s-sofferenza taċ-ċittadini Ukreni mhux se jaqgħu fuq widnejn torox. Se nkomplu nimplimentaw azzjonijiet maqbula fuq livell Ewropew biex nagħmlu pressjoni għal diskussjonijiet diplomatiċi biex jintemmu l-ostilitajiet," saħaq Abela. 

Huwa qal li lkoll ninsabu mħassba fuq is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukrajna u fid-dawl ta' din it-traġedja Malta se tkompli tipprovdi assistenza bl-aħjar mod li tista'. "Mir-riżorsi limitati li għandna se nkomplu nassistu, bħal ma għamilna qabel, b'mod finanzjarju fil-provvista ta' armi mhux letali, fil-provvista ta' mediċini u servizzi mediċi. Dan filwaqt li nikkontribwixxu wkoll permezz tal-European Peace Facility (EPF)," qal Abela. 

Il-Prim Ministru Abela stqarr li fl-aħħar snin rajna li minkejja li problema jista' jkun li tinsab 'il bogħod ma jfissirx li din mhux se taffetwa lilna wkoll. Jgħid li dawn l-effetti ta' gwerra jolqtuna finanzjarjament, ekonomikament, psikoloġikament u soċjalment. "F'dan il-każ ir-realtà hija li għadna qed noħorġu mill-impatti negattivi tal-Covid-19 li, sfortunatament amplifikaw dawn l-effetti negattivi aktar. Dan iffisser ukoll li aħna bħala Gvern kellna nintervejnu biex nimmitgaw il-konsegwenzi tagħhom," kompla jgħid Abela. 

Intant fuq il-kwistjonijiet tal-passaporti tad-deheb Abela fakkru li Malta ffriżat l-applikazzjonijiet ta' persuni li ġejjin mir-Russja u l-Belarussja kif ukoll beda l-proċess biex tiġi rivokata ċ-ċittadinanza li kienet ingħatat lill-individwu Russu li eventwalment kien milqut mis-sanzjonijiet.

Abela qal li l-attakk fuq l-Ukrajna hija wkoll attakk fuq il-prinċipji tal-Ġnus Magħquda "u liġijiet internazzjonali li lkoll inħarsu u ngħożżu."  Fl-aħħar qal li Malta se tkompli tikkordina mal-imsieħba inernazzjonali u li l-unika soluzzjonijiet aċċettabli għal dan il-kunflitt huwa li t-truppi Russi jirtiraw mill-Ukrajna flimkien ma djalogu u diskussjonijiet fuq il-paċi.

"M'inthomx waħedkom, Malta tinsab warajkom," temm jgħid Abela. 

Aqra aktar fuq dak li qal il-President Zelensky fil-Parlament Malti hawn

Aqra aktar fuq dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni hawn

More in Politika