Grech jgħid li se jaħdem biex l-Ukrajna ssir membru tal-UE malajr kemm jista' jkun

"Jalla l-Ukrajna tissieħeb fl-UE biex tkun lura f’darha," sostna Bernard Grech, li temm jinsisti li Malta u l-PN huma l-ħbieb tal-Ukrajna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħataf l-opportunità u f'kollegament mal-President Ukren Volodymyr Zelensky ġewwa l-parlament Malti stqarr li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jappoġja lill-grupp parlamentari tiegħu fi ħdan il-Parlament Ewropew sabiex l-Ukrajna ssir parti mill-Unjoni Ewropea kemm jista jkun.

Il-grupp parlamentari li jagħmel parti minnu l-PN, il-Partit Popolari (EPP) kien minn tal-ewwel li kkundanna bil-qawwa "l-invażjoni mhux ġustifikata" tar-Russja fl-Ukrajna filwaqt li appoġġja l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE. Min-naħa tiegħu Grech sostna li se jkun qiegħed jaħdem id f'id mal-EPP sabiex tibda' d-diskussjoni u dan ikun jista' jseħħ.

Fuq l-istess linja ta' ħsieb tal-Viċi President tal-EPP Rasa Juknevičienė, Grech saħaq li l-Ukreni għandhom il-valuri u l-ideoloġiji tal-Unjoni Ewropea f'demmhom. Skont hu, xhieda ta' dan hemm id-determinazzjoni u d-dedikazzjoni li biha għadhom qed jiġġieldu kontra l-armata ta' Putin.

(Ritratt ta' James Bianchi)
(Ritratt ta' James Bianchi)

Il-Kap tal-Partit Nazzjoanlista fakkar li Malta tista' tifhem l-uġigħ imma wkoll l-ġlieda tal-Ukreni f'din l-invażjoni minħabba li Malta stess għaddhiet minn uġigħ simili meta fit-Tieni Gwerra Dinjija iġġieldet b'qlubija u għal dan ngħatat il-George Cross li għadu fuq il-bandiera Maltija sal-ġurnata tal-lum.

Huwa qabel mal-President Ukren li din il-gwerra ma tikkonċernax biss lill-Ukrajna iżda wkoll lid-dinja kollha. Grech stqarr li hu kburi li kienet il-President Maltija Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola minn tal-ewwel li żaret l-Urkajina u esprimiet is-solidarjetà.

"Jalla l-Ukrajna tissieħeb fl-UE biex tkun lura f’darha," sostna Bernard Grech, li temm jinsisti li Malta u l-PN huma l-ħbieb tal-Ukrajna.

More in Politika