'Tħallux lil min jabbuża minn pajjiżkom ... waqqfu l-privileġġi lir-Russi' - Zelensky lill-Parlament Malti

Il-President Ukren iħeġġeġ lil Malta biex ma tbigħx passaporti lir-Russi u biex twaqqaf l-użu ta' bastimenti rreġistrati Malta għall-importazzjoni ta' żejt Russu

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex ma jħallix Russi li xtraw iċ-ċittadinanza jabbużaw minn Malta waqt li ħeġġeġ li l-libertà fl-Ukrajna tista’ tinkiseb mill-ġdid jekk ikun hemm il-koperazzjoni tal-komunità kollha internazzjonali.

Fid-diskors tiegħu lill-Parlament Malti, il-President Ukren appella lill-Gvern Malti biex iwaqqaf il-privileġġi lir-Russi, inkluż il-bejgħ tal-passaporti.

“Tħallux lil dawn jabbuża mill-gżira tagħkom,” insista Zelensky waqt li appella biex fil-futur Malta toqgħod aktar attenta biex tifhem minn huma dawk ir-Russi li jridu jużawha biex "jinħbew."

Waqt li appella għal aktar koperazzjoni mill-komunità internazzjonali, il-President Ukren tenna l-appell tiegħu għall-projbizzjoni immedjata tal-importazzjoni taż-żejt mir-Russja u anke ta’ prodotti oħra Russi.

Filwaqt li rrikonoxxa s-sensittività tas-suġġett fakkar li bastimenti, li jtajru l-bandiera Maltija, qed jintużaw għat-trasport ta' żejt Russu.

Fi kliemu, kull ewro qligħ mill-importazzjoni taż-żejt Russu se jkun qed jintilef meta wieħed jikkumpara dan maż-żieda fil-prezz tal-ikel ikkawżat minħabba din il-gwerra.

Zelensky insista li s-sanzjonijiet hemm bżonn ikunu b’saħħithom u jħallu verament effett b'saħħtu “kontra l-aggressur.”

Fakkar li r-Russja wkoll qed tirritalja hekk kif għalqet il-portijiet Ukreni fil-Baħar l-Iswed u dan wassal għall-waqfien fl-esportazzjoni ta' prodotti essenzjali, inkluż il-qamħ u li dan qed ipoġġi pressjoni kbira madwar il-kontinent kollu.

Insista li kawża ta' dan, pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq u anke fil-Kontinent Ażjatiku se jkollhom skarsezza fl-ikel u l-prezzijiet se jiżdiedu. Saħaq li dan kapaċi jwassal għal kriżi oħra ta' migrazzjoni.

Zelensky jikkoreġi lill-Ispeaker ... 'Dan mhux kunflitt imma gwerra mir-Russja fuq l-Ukrajna'

B'referenza għall-messaġġ tal-Ispeaker Anglu Farrugia, Zelensky saħaq li dak li qed jiġri fl-Ukrajna mhuwiex kunflitt (kif iddeskrivih Farrugia) iżda gwerra mir-Russja fl-Ukrajna għax fakkar li huma r-Russi li daħlu u qed jattakkaw it-territorju Ukren u mhux viċi versa.

Insista li dak li qed jiġri fl-Ukrajna jista’ jitqabbel ma’ dak li għaddiet minnu Malta fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija. Zelensky insista li r-reżiljenza tal-poplu Malti dak iż-żmien, iddefinixxa l-futur tal-Mediterran u tal-kontinent.

Saħaq li hekk kif Malta baqgħet soda, ikkontribwixxiet għal-libertà tal-Ewropa kollha kemm hi.

Il-President Ukren insista li l-istess se jiġri fl-Ukrajna. Saħaq li r-reżiljenza u s-saħħa tal-poplu Ukren se jkun qed jiddetermina l-futur u l-libertà tal-kontinent Ewropew. 

Zelensky jiddeskrivi l-qawwa tal-attakki

Tkellem dwar l-attakki u insista li dawn ma jieqfu xejn, la filgħodu u lanqas mal-lejl. Fakkar kif meta din il-ġimgħa l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel kien qed iżur il-belt ta’ Odessa, dan kellu jinżel għall-kenn f’xelter għax ir-Russja ddeċidiet li twettaq attakk fuq din il-belt.

Insista, li f’temp ta’ ftit minuti, niżlu 25 missila fuq din il-belt u l-mira kienet dejjem iż-żoni ċivili. Iddeskriva s-sitwazzjoni fil-belt ta’ Mariupol bħala “infern.” Fi kliem il-President Ukren, 90% tal-binjiet f’din il-belt huma mfarrka.

Zelensky b'apell għall-armi

Kien hawn li tenna l-appell kontinwu tiegħu għall-armi waqt li fakkar li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, l-ispitfires Ingliżi kienu importanti għad-difiża ta' Malta. Insista li anke jekk talbu armi biex l-Ukreni setgħu jiddefendu l-belt strateġika ta’ Mariupol, dawn baqgħu ma waslux.

Tenna li l-futur tal-Ewropa se jkun deċiż fl-Ukrajna. Fakkar fil-mijiet ta’ tfal u eluf ta’ persuni li diġà tilfu ħajjithom u l-ħames miljun Ukren li kellhom jaħarbu minn pajjiż.

Insista li aktar ma jkun hemm dewmien fl-ogħti tal-armi u fl-għajnuna mogħtija, aktar se jmutu nies.

Temm jisħaq li jittama li malajr kemm jista’ jkun, l-Ukrajna tkun membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea u insista li jħares ‘il quddiem biex iżid il-koperazzjoni anke ma’ Malta.

More in Politika