Il-Partit Nazzjonalista talab biex il-votazzjoni fil-ħabs terġa' ssir għax qed jinsisti li għadd ta' priġunieri vvotaw illegalment.
F'ittra lill-Kummissjoni Elettorali, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino qal li l-proċess tal-votazzjoni fil-ħabs kien mimli "b'nuqqasijiet serji."
Skont Piccinino, għexieren ta' priġunieri vvotaw minkejja li suppost ma nħarġilhomx dokument tal-vot. Huwa akkuża lill-Kummissjoni li naqset billi twaqqaf lil dawn il-persuni milli jivvotaw.
Insista li fil-ġranet ta' qabel, il-PN kien diġà ġibed l-attenzjoni dwar priġunier wieħed partikolari li mhux suppost kien fuq ir-reġistru elettorali.
Il-priġunieri vvotaw nhar is-Sibt li għadda. Sar magħruf li kien hemm priġunieri, fosthom Daren Debono, it-Topo, li tħalla jivvota minkejja li għandu sentenza ta' għaxar snin u nofs ħabs. It-Topo kien wieġeb ħati għall-attentat ta' serqa mill-HSBC lura fl-2010.
Skont il-liġi, priġunieri li jingħataw sentenza ta' aktar minn 12-il xahar ħabs, jitilfu d-dritt tal-vot. Jista' jkun hemm ukoll deċiżjoni mill-Qorti li tneħħi dan id-dritt.
Minħabba dan, il-PN qed jisħaq li l-proċess tal-votazzjoni li seħħ is-Sibt fil-ħabs għandu jkun "annullat" u jerġa' jseħħ mill-ġdid. Piccinino talab lill-Kummissjoni biex tieħu nota tat-talba tal-PN b'mod urġenti u qed jirriserva d-dritt li jieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Aqra wkoll: