'Lesti nieħdu kull azzjoni neċessarja jekk jirriżulta li jkun hemm nuqqasijiet fil-votazzjoni'

Bernard Grech iwieġeb wara diversi allegazzjonijiet, inkluż minn Jason Azzzopardi, li fost oħrajn, kien hemm priġunieri li vvutaw meta mhux suppost inħarġilhom vot

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel il-verifiki u jiġbor l-informazzjoni kollha neċessarja dwar allegazzjonijiet ta’ nuqqasijiet fil-votazzjoni bikrija u saħansitra saħaq li qed jirriserva kull dritt li tittieħed azzjoni ulterjuri jekk jirriżulta li l-allegazzjonijiet huma minnhom.

Grech qal dan meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-ħames u l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali.

Dan wara li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li kien hemm priġunieri li tħallew jivvotaw minkejja li mhux suppost inħarġilhom id-dokument tal-vot. Azzopardi allega li vvutaw priġunieri li għandhom sentenzi ta’ ħames, seba’ u għaxar snin priġunerija. Fi kliemu, priġunieri bl-istess piena, imma li huma Nazzjonalisti, ma nħarġilhomx il-vot.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-partit qiegħed jagħmel il-verifiki kollha neċessarji u qed jiġbor l-informazzjoni tiegħu.

“Dak li smajna jinkwetana,” saħaq Grech. “Se naraw li kull min għandu responsabbilità jwieġeb u qed nirriservaw id-dritt ta’ kull azzjoni, immedjata jew futura, jew ninnutaw li jkun hemm affarijiet mhux korretti. Għajnejna jinsabu mhux biss fuq il-partit l-ieħor u fuq il-kummissjoni elettorali imma fuq kull min huwa involut.”

Saħaq li huwa ħasra li ftit jiem qabel l-elezzjoni, id-diskussjoni qed iddur fuq il-proċess eletottali meta fi kliemu, l-istituzzjonijiet suppost qed jaħdmu.

Tenna li l-PN qed jagħmel minn kollox “kontra kull poter ta’ Robert Abela u n-nies li poġġa hu,” biex jassigura li l-elezzjoni tkun “ħielsa u ġusta.”

Aqra wkoll:

'Il-Kummissjoni Elettorali ma tistax iżżomm lil xi ħadd milli jivvota jekk ismu jkun fuq ir-reġistru'

More in Politika