'Mario Galea mar jitkellem fuq is-saħħa mentali ... ma għandux ikun hemm interpretazzjonijiet oħra'

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, jirreaġixxi mal-illum.com.mt għall-preżenza ta' Mario Galea f'attività tal-Partit Laburista

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinio, ma deherx daqshekk inkwetat bil-preżenta l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea, f'attività organizzata mill-Partit Laburista bħala parti mill-kampanja elettorali.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu mas-sit illum.com.mt, Piccinino saħaq li Mario Galea mar jitkellem fuq is-suġġett tas-saħħa mentali li mill-ewwel qal li dwaru se jibqa' jitkellem anke wara li rtira mill-politika.

"Mario huwa attivist fuq is-saħħa mentali," insista Piccinino. "Hu stess qal li l-preżenza tiegħu ma għandhiex tkun interpretata mod ieħor."

Mistoqsi jekk dan ifissirx li Galea lest jindirizza wkoll attività tal-PN fuq is-suġġett, jekk ikun mistieden, Piccinino qal li hu għandu relazzjoni tajjeb u jitkellem spiss ma' Mario Galea imma insista wkoll li "ma jistax iwieġeb f'ismu."

Dwar jekk il-preżenza ta' Mario Galea f'attività organizzata minn mart il-Prim Ministru, tagħtix daqqa oħra lill-PN fl-aħħar jiem ta' kampanja elettorali, is-Segretarju Ġenerali tal-PN tenna li Mario Galea għandu s-suġġett tas-saħħa mentali għal qalbu u mar jitkellem f'ismu personali u mhux bħala eks Deputat Nazzjonalista.

Galea kien wieħed mill-erba' Deputati tal-PN li rtiraw il-kandidatura tagħhom fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali. Apparti Galea kien hemm ukoll Clyde Puli, Kristy Debono u Claudio Grech. Grech, għall-kuntrarju tal-oħrajn, baqa' attiv u jikkampanja mal-Partit Nazzjonalista. 

Aqra wkoll:

More in Politika