L-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea jiftaħ qalbu dwar is-saħħa mentali f'attività tal-Partit Laburista

L-attività kienet titratta l-benesseri soċjali u saħħa u fiha ħadet sehem ukoll l-eks Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight...

Mario Galea waqt il-konferenza
Mario Galea waqt il-konferenza

L-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea li spiċċa ħażin minn mal-Partit Nazzjonalista u li qal illi l-stess partit għamillu "ħajtu infern" illum tkellem f'attività tal-Partit Laburista u fetaħ qalbu dwar l-istorja tiegħu ta' problemi ta' saħħa mentali. Kuntrarjament għall-kelliema l-oħrajn - fosthom ukoll Roselyn Borg Knight li kienet ukoll Segretarju Internazzjonali tal-PN u li wkoll indirizzat din l-attività tal-Partit Laburista - Galea tkellem minn fuq il-podju bil-kliem 'Robert 2022.' L-attività kienet indirizzata minn mart il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Lydia Abela u kienet titratta s-suġġett tal-benesseri soċjali u saħħa - inkluż saħħa.

Galea kien fost erba' persuni li rtiraw il-kandidatura Nazzjonalista fl-ewwel mumenti tal-kampanja elettorali, flimkien ma' Kristy Debono u anke Clyde Puli kif ukoll Claudio Grech, li iżda baqa' attiv u jattendi attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista - u saħansitra indirizza mass rally tal-istess partit. 

Galea fetaħ ħafna dwar l-istorja tiegħu ta' problemi ta' saħħa mentali illi matulha esprima t-tama li l-Partit Laburista, jekk ikun fil-Gvern, iwettaq il-wegħdi li qed jagħmel f'dan il-qasam. Huwa qal illi kienet mart il-Prim Ministru Lydia Abela stess li għamlitlu l-istedina sabiex jattendi għal din il-laqgħa u jaqsam l-esperjenza tiegħu. 

Rakkont mill-qalb ta' Galea...

L-eks Deputat fetaħ dwar l-istorja tiegħu u qal li qed jagħmel dan biex iqajjem aktar għarfien dwar is-saħħa mentali. "Meta persuni pubbliċi jitkellmu dwar is-saħħa mentali jkunu qed jgħinu biex iqum aktar għarfien," fakkar, filwaqt li sostna illi f'pajjiż normali, "meta Deputat iqum u jgħid li għandu problema ta' saħħa mentali, din ma tkunx aħbar - bħal meta ma tkunx aħbar kieku Deputat jgħid li għandu d-dijabete," qal Galea.

L-eks Deputat Nazzjonalista ċċara li huwa indirizza din l-attività - ġimgħa u nofs qabel elezzjoni ġenerali - mhux biex ikun favur jew kontra partit, "imma favur dawk li għaddejjin minn problemi ta' saħħa mentali," - jisħaq l-eks Deputat.

"Meta nitkellmu tonqos l-istigma," qal l-eks Deputat li fakkar li fil-House of Commons ukoll tkellmu Deputati dwar saħħa mentali u l-Parlament Ingliż sejjaħ il-jum li fih tkellmu dawn id-Deputati bħala "jum storiku." Kuntrarjament għal dan Galea qal li f'Malta hawn wisq skiet. 

Ħeġġeġ lill-Partit Laburista biex ikompli aktar investiment, aktar screening ta' tfal u żgħażagħ minn kmieni. 

Huwa qal li minn kull 100 persuna, huma 30 persuna li jieħdu l-kura. "Ħadd mhu skansat milli jkollu problemi ta' saħħa mentali," qal Galea li fakkar illi l-problema żdiedet minn wara l-pandemija tal-Covid-19, mhux biss minħabba problemi u restrizzjonijiet li din ġabet magħha imma wkoll minħabba li l-investiment fil-qasam tas-saħħa kien direzzjonat aktar lejn il-pndemija milli fuq servizzi oħrajn. 

Galea rrakkonta kif meta rriżulta li kellu problemi ta' saħħa mentali ta r-riżenja, liema riżenja l-eks PM Lawrence Gonzi ma aċċettax u minflok talbu biex jieħu l-kura u jkompli bil-ħidma. Huwa fakkar li din hija battalja ta' kuljum u li mhux dejjem huwa faċli li tirbaħ.

Galea qal li hu għadda minn mumenti koroh ħafna u kien qed jikkontempla li jaqbeż frott id-dipressjoni li kellu. "Ma ridtx immur u kont nirraġuna - u llum nirrealizza li kont żbaljat - li dik hija s-soluzzjoni. Dak kien mument ta' disperazzjoni," sostna Galea. Huwa qal li x-xemx terġa' titla' għal kulħadd.

"Mhux veru li jekk titkellem fuq is-suwiċidju aktar nies se jagħmuluh. Aħna lkoll nistgħu nsalvaw ħajja. Ejja nqajmu aktar għarfien. Li kieku dħalt hawn bil-karozzi u sieq miksura ħafna kienu jgħinuni. Qed ngħixu f'dinja fejn huwa aktar faċli li tgħid illi għandek darsa tugħġak milli tgħid li għandek qalbek maqsuma għax tbati minn problemi ta' saħħa mentali." appella Galea. 

Huwa qal illi hija l-istigma li hija kerha u mhux il-problemi ta' saħħa mentali. 

More in Elezzjoni 2022