Il-Maltin iżommu l-istess Gvern imma bagħtu sinjal ċar meta biddlu l-wiċċ tal-Parlament

Anke jekk ir-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali kien tista’ tgħid magħruf ħadd ma basar li l-Maltin kienu se jivvotaw daqstant b’qawwa biex ibiddlu l-wiċċ tal-Parlament Malti u jeleġġu ħafna Deputati ġodda u żgħażagħ

Din il-ġimgħa ġiet fi tmiemha b’mod uffiċjali l-elezzjoni ġenerali hekk kif ġew konklużi l-elezzjonijiet każwali u anke tħaddem għall-ewwel darba l-mekkaniżmu li qed jassigura rappreżentanza ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-Parlament. Hekk sirna nafu min se jkunu d-Deputati li se jirrappreżentaw lil Maltin fil-Parlament.

Lilhinn mill-mekkaniżmu tal-ġeneru (li dwaru qed nitkellmu f’paġni oħra), din l-elezzjoni tat lill-Parlament diversi Deputati ġodda. Fil-fatt, din il-leġislatura li qed tibda se tkun ikkaraterizzata minn diversi Membri Parlamentari ġodda u żgħażagħ li jistgħu jfissru nifs ġdid għall-politika f’Malta għax forsi l-viżjoni tagħhom għall-politika u l-pajjiż inġenerali hija differenti.

Il-Partit Nazzjonalista, anke jekk tilef din l-elezzjoni bi kbir, rebaħ Deputati ġodda u friski. Fi żmien ta’ disfatta kbira fil-Partit Nazzjonalista, kif qalu sorsi ma’ din il-gazzetta, dan il-fatt qed joffri ftit ta’ tama li l-PN jista’ jibda juri li qed jirriġenera u forsi jibda ftit ftit it-triq lejn il-fejqan.

Il-Partit Laburista bata xi ftit aktar biex jeleġġi Deputati ġodda tant li kellu jistenna aktar l-elezzjoni każwali u kellu wkoll jirrikorri għal xi mekkaniżmi, fosthom il-co-option biex ibiddel. 

Anke meta ġie biex jifforma l-Kabinett tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ma kellux għażla oħra ħlief li jħalli barra nies bħal Edward Zammit Lewis, Carmelo Abela, Michael Farrugia, Alex Muscat, Deo Debattista u Chris Agius biex almenu jkun jista’ jbiddel dawk li jidhru fuq quddiem nett tat-tmexxija tal-Gvern.

Wiċċ ġdid għall-PN; L-uniku tama li għad fadallu...

Nibdew pass pass. Kif spjegalna, f’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista gawda l-aktar minn uċuh ġodda. Fil-fatt, fuq quddiem nett, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jkollu bilqiegħda warajh ħafna nies ġodda u pjuttost żgħażagħ.

Uħud minn dawn, anke jekk eletti għall-ewwel darba, ilhom jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u wħud minnhom tista’ tgħid li jippromettu wkoll. Biżżejjed tara kif jitkellmu u l-kampanja li huma għamlu.

Ewlenin fosthom ma nistgħux ma nsemmux lil Jerome Caruana Cilia li fuq is-sitt distrett kaxkar fil-voti. L-istess għamel Mark Anthony Sammut, li minkejja li għadu żgħir, diġà okkupa karigi importanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Sammut ġie elett minn żewġ distretti u mhux minn wieħed biss.

Avukat żagħżugħ li kapaċi jitkellem u jikkonvinċi huwa Darren Carabott li ġie elett bla problemi ta’ xejn fuq l-ewwel distrett. Carabott kien ġurnalist ta’ Media.Link u kien hu li ġera wara Ali Sadr Hasheminejad meta deher ħiereġ mill-Bank Pilatus bil-famuża bagalja. 

Deputat ieħor ġdid u ta’ stoffa li se jkun fuq quddiem nett fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni huwa Justin Schembri, għalliem li wkoll jipprometti. Kapaċi jitkellem, kapaċi jikkonvinċi u jista’ jirrappreżenta tajjeb ħafna lis-settur tal-edukazzjoni li l-Partit Nazzjonalista dejjem jagħtih importanza.

Ma nistgħux inħallu barra lil Alex Borg, Avukat Għawdxi li ssorprenda lil kulħadd. Borg kien elett fuq it-tlettax-il distrett mal-ewwel għadd u kiseb ftit voti biss inqas mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Borg fil-fatt kiseb 6,108 voti u qabeż mhux ħażin lil Chris Said, issa Deputat Għawdxi veteran tal-Partit Nazzjonalista.

Vera li hawn min qed jagħmel l-argument li għal Borg ħadmet ħafna Giovanna Debono, għax missieru kien Chief of Staff tagħha, imma jibqa’ l-fatt li n-Nazzjonalisti Għawdxin kienu lesti jafdaw u jagħtu l-vot tagħhom lil Deputat ġdid u forsi bla esperjenza fil-politika milli lil Said li kien ukoll fuq quddiem fil-kruċjata kontra l-eks Kap Adrian Delia.

Anke jekk mhux żagħżugħ, Joe Giglio wkoll huwa wiċċ ġdid fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Giglio, Avukat magħruf huwa wieħed minn dawk il-persuni li fl-aħħar snin dehru ħafna fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista u saħansitra jissemma kontinwament għal karigi importanti fi ħdan il-PN, kemm għal Viċi Kap imma anke għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Giglio ġie elett minn żewġ distretti u tela’ b’mod komdu ħafna. Dan jista’ jkun messaġġ min-Nazzjonalisti li lil Giglio jriduh fuq quddiem nett u l-Partit Nazzjonalista jkun qed jonqos jekk ma jagħrafx dawn is-sinjali li jistgħu jsalvawh.

Żewġ kandidati oħra ġodda li l-Partit Nazzjonalista eleġġa minnufih huma Ian Vassallo (li ġie elett bis-saħħa tal-mekkaniżmu fil-liġi li jassigura proporzjonalità fil-Parlament) u anke lil Ivan Castillo li ilu jaħdem fil-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari fil-qasam tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiem. 

Anke fil-każwali l-PN igawdi minn uċuh ġodda

Iżda l-Partit Nazzjonalista ma waqafx hemm. Anke meta waslet l-elezzjoni każwali, li fiha normalment l-ewwel ma jitilgħu jkunu eks Deputati li ma jkunux ġew eletti minnufih, il-Partit Nazzjonalista eleġġa l-aktar kandidati żgħażagħ u ġodda.

Fil-fatt, nhar it-Tlieta li għadda, il-Partit Nazzjonalista eleġġa lil Rebekah Cilia, Stanley Zammit, Graham Bencini u Graziella Attard Previ. Bencini u Attard Previ mhumiex ġodda għall-politika u ilhom jimmiltaw fil-Partit Nazzjonalista u allura xi ftit ta’ esperjenza għandhom ukoll. 

Ma’ dawn ingħaqad ukoll l-eks Sindku Laburista tar-Rabat, Charles Azzopardi. Azzopardi kien kisirha mal-Partit Laburista u n-Nazzjonalisti kienu lesti li jagħtuh ċans. Mhux anke dan huwa sinjal? In-Nazzjonalisti ma jridu li l-Partit jarmi lil ħadd. Iriduh ikun miftuħ u jilqa’ anke lil dawk li mhux dejjem qablu miegħu. 

Wara kollox, il-Partit Laburista għalhekk ilu jirbaħ bi kbir għax baqa’ jattira u jilqa’ anke lil dawk li qatt ma bassru li kienu se jivvotaw Labour. Kull leħen jgħodd. Din il-PN irid dejjem iżommha quddiem għajnejh.

Il-musmar il-ġdid jaqla’ dak qadim...

Il-Malti jgħid li l-musmar il-ġdid dejjem jaqla’ dak qadim. Dawn il-kandidati l-ġodda telgħu għax ħadu post ħaddieħor. Wara l-elezzjoni ġenerali, din il-gazzetta diġà kellha ċans tanalizza r-riżultat li kiseb il-Partit Nazzjonalista u qalet ċar u tond (għax deher ċar) li n-Nazzjonalisti ħarġu biex jixkupaw ‘il barra lil dawk li għamlu ħsara lill-PN fl-aħħar ħames snin, anke jekk huma dan ma jammettuhx.

Mhux ċajta, li ma jitlax Jason Azzopardi. Fi żminijiet oħra, Azzopardi lanqas biss kellu bżonn jikkampanja. Huwa l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, tkellem fuq li tkellem kontra l-korruzzjoni u sewwa għamel imma mbagħad hemm mod u hemm mod. Kien hemm drabi meta fil-kritika tiegħu qabeż il-linja u dan beda jdejjaq mhux biss lil-Laburisti imma anke lin-Nazzjonalisti. 

Il-kruċjata li għamel kontra Adrian Delia, in-Nazzjonalisti ma nsewhiex anke jekk issa bosta minnhom kienu nġabru wara Bernard Grech. Il-messaġġ tan-Nazzjonalisti kien ċar. It-tip ta’ politika ta’ Jason Azzopardi ma jriduhiex aktar! Ma ninsewx lanqas li Azzopardi ħareġ fuq l-għaxar distrett, l-akbar fortizza tal-PN u li forsi tinkludi aktar Nazzjonalisti li huma viċin organizzazzjonijiet bħal Repubblika u Occupy Justice u li l-istess Azzopardi jirrappreżenta bħala Avukat. Minkejja li Azzopardi pprova jirkeb dan il-karru, anke l-votanti tal-Għaxar Distrett ħallewh l-art.

Azzopardi ma telax fl-elezzjoni każwali għax qalgħuh ‘il barra Karol Aquilina u Graziella Attard Previ. Mhux ċajta li Attard Previ, taqla’ ‘l barra lil Azzopardi. Aquilina mill-banda l-oħra ma tantx għandu għaliex jifraħ. Vera li se jkun fil-Parlament imma bi żbrixx. Jirringrazzja ‘l Alla li kien hemm elezzjoni każwali fuq id-disa’ distrett, għax kieku ma kienx hemm, lanqas fl-elezzjoni każwali fuq l-għaxar distrett ma kien se jitla.’ In-Nazzjonalisti ta’ dan id-distrett warrbuh, kif warrbu lil sieħbu Jason Azzopardi. 

Dawk li ġew eletti issa jridu joqgħodu attenti għax jafu li jekk mhux issa, tagħhom tista’ tasal ukoll. Din kienet ukoll l-ewwel elezzjoni li kkontesta fiha l-eks Kap Adrian Delia u tela’ b’saħħtu minn żewġ distretti. Dan ukoll huwa sinjal. In-Nazzjonalisti marru kontra l-famużi Blue Hereos li ma riduhx u qaċċtuh, sempliċiment għax ġie minn barra u pprova jaqta’ l-irjus.

Edwin Vassallo wkoll ma ġiex elett. Vassallo huwa viċin nies bħalma huma dawk dilettanti tal-festa u l-kaċċaturi, mill-banda l-oħra huwa forsi konservattiv “iżżejjed” u xi drabi bi kliemu qarras gruppi ta’ nies, b’mod partikolari lil dawk fil-komunità LGBTIQ jew inkella koppji li jirrikorru għall-IVF. 

Anke hawn in-Nazzjonalisti bagħtu messaġġ. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ partit demokristjan għax jekk ma jagħmilx hekk ma jibqax il-Partit Nazzjonalista, imma forsi jriduh ikun xi ftit aktar sensittiv lejn il-bżonnijiet u d-drittijiet ta’ gruppi ta’ persuni li forsi ma għadhomx iħossuhom komdi fil-PN minħabba l-pożizzjonijiet li ħa.

Tħallew barra wkoll nies bħalma huma Maria Fatima Deguara u Karl Gouder. Ftit li xejn tista’ tgħid dwarhom, forsi għax ftit li xejn ħadmu u ftit li xejn kienu fuq quddiem fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Jista’ jkun li din kienet ir-raġuni għaliex ingħataw il-ġenb. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jaħli ħin u ma jistax ikun hemm min qiegħed hemm biex isaħħan is-siġġu. Il-PN tilef wisq ħin u issa jrid iqum, jirsisti u jibda jaħdem biex jerġa’ jibda jikkonvinċi. Hemm bżonn enerġija ġdida u issa l-PN din għandu. Ikun ħasra jekk jaħliha għax jaqa’ f’apatija.

Imma l-Grupp Parlamentari mhux kollox...

Li jkollok Grupp Parlamentari mimli element żagħżugħ u uċuh ġodda huwa importanti imma l-PN jagħmel żball jekk jaħseb li b’daqshekk solva xi problema u jaħseb li ġġedded. Ma ninsewx li dawn il-ħafna uċuh u Deputati ġodda ma ssarfux f’voti ġodda għall-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, il-PN xorta waħda naqqas 12,000 vot. Mhux ċajta.

Il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm f’moħħu li l-Grupp Parlamentari huwa biss parti mill-Partit u issa jrid jaħdem biex dak l-element żagħżugħ u ġdid li jidher fil-Parlament ikun rifless ukoll fl-istrutturi tal-Partit.

Jagħmel ħażin il-PN jekk jarmi lil dawk id-Deputati ġodda u li marru tajjeb. Dawn għandhom ikunu fuq quddiem nett fl-istrutturi li wara kollox jiggwidaw lill-Partit u lill-istess Grupp Parlamentari u jifformaw il-politika tiegħu. Hekk biss il-PN jista’ jidher li ġġedded u jkun kapaċi jimxi ‘l quddiem u jerġa’ jibda jattira votanti ġodda. Jekk mhux issa, mela qatt.

Il-Partit Laburista bata aktar biex eleġġa l-ġodda

Il-Partit Laburista wkoll eleġġa diversi Deputati ġodda imma biex għamel dan bata xi ftit aktar mill-Partit Nazzjonalista. Imma ngħiduha kif inhi, fl-aħħar snin il-Partit Laburista ġġedded ħafna u anke l-Grupp Parlamentari tiegħu nbidel, anke jekk forsi l-mod kif inbidel ma kienx l-aktar wieħed demokratiku.

Ħafna mid-Deputati telqu jew għax kellhom jirriżenjaw jew inkella għax saru xi President jew għax ingħataw xi kariga fl-Unjoni Ewropea (forsi wkoll biex jeħilsu minnhom bil-pulit). Biss biss l-aħħar leġislatura kellha numru rekord ta’ co-options. Fost l-aqwa mħuħ tal-Gvern, daħlu b’co-option. Insemmu biss lil Miriam Dalli, Clyde Caruana u Jonathan Attard.

Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet (għalissa qed inħallu barra l-elezzjoni każwali), il-PL żamm tista’ tgħid il-Grupp Parlamentari tiegħu intatt. Tista’ tifhem għaliex ukoll. Jekk tkun Ministru, għandek aktar ċans li tgħin u taqdi n-nies.

Kellek imbagħad kandidati bħal Clyde Caruana u Miriam Dalli li anke jekk kienu fil-Parlament bis-saħħa tal-co-option, din kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali li kkontestaw. Magħhom jingħaqad ukoll Jonathan Attard, anke jekk hu għall-kuntrarju tat-tnejn l-oħra ma kellux Ministeru qabel issejħet l-elezzjoni.

Il-Partit Laburista kellu kandidati ta’ stoffa (forsi xi ftit aktar mill-PL ukoll) u dawn ġew eletti għall-ewwel darba. Oħrajn ġew eletti anke għax kienu popolari man-nies. 

Fost dawn, għall-ewwel darba, il-Partit Laburista eleġġa lil Keith Azzopardi Tanti, eks Sindku tal-Pietà. Mhux ċajta. Azzopardi Tanti qabeż żewġ Ministri u Segretarju Parlamentari. Minħabba fih, l-eks Ministru Josè Herrera baqa’ l-art.

Hekk ġara wkoll fit-tieni distrett. Alison Zerafa Civelli, eks Sindku ta’ Bormla u oħt Lydia Abela ġiet eletta għall-ewwel darba. Fuq dan id-distrett baqgħu l-art Oliver Scicluna (li kien ġie co-opted) u Glenn Bedingfield (Whip tal-Gvern).

Il-PL eleġġa wkoll lil Andy Ellul, Chris Bonett u Jo Etienne Abela, kandidati b’saħħithom tant li mill-ewwel sabu posthom fil-Kabinett. Il-bqija tad-Deputati Laburisti baqgħu tista’ tgħid l-istess.

Fil-fatt, biex dawk l-aktar viċin tiegħu ma jkunux kollha l-istess, il-Prim Ministru kellu jibgħat messaġġ bil-formazzjoni tal-Kabinett tiegħu. Mhux ċajta li ħalla barra mill-kabinett il-ġdid sitt Ministri u Segretarji Parlamentari.

Kellu wkoll jirrikorri mill-ewwel għal co-option. Fil-fatt ġie magħżul Randolph Debattista hekk kif il-PL ċeda żewġ siġġijiet fuq id-disa’ distrett imma kien għad fadal biss kandidat wieħed x’jitla’. 

Anke l-Laburisti xtaqu bidla...

Imma anke jekk forsi ma dehritx qawwija daqs ma dehret fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, anke l-Laburisti kellhom xewqa kbira li jbiddlu u jtellgħu n-nies ġodda. L-ewwel nett tħallew barra mill-Parlament żewġ Ministri veterani, Josè Herrera u Evarist Bartolo.

Nies bħal Glenn Bedingfield (li wkoll jidher ftit aħrax fil-kritika tiegħu) u anke Rosianne Cutajar (li kellha tirriżenja minħabba allegazzjonijiet ta’ tixħim) kellhom jistennew l-elezzjoni każwali biex ikunu eletti.

Meta ġie għall-elezzjoni każwali, il-Partit Laburista wkoll tella’ diversi uċuh ġodda, ħafna minnhom żgħażagħ.

Biżżejjed insemmu l-eks Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia, l-eks Sindku tal-Mosta Romilda Baldacchino Zarb u l-eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Malcomn Paul Agius Galea. Telgħu wkoll Katya Degiovanni, Rebekka Buttigieg u Ray Abela.

Dawn ukoll jistgħu joffru nifs ġdid u tama ġdida biex il-Partit Laburista jaqleb il-paġna u jagħmel politika aħjar. Ħasra li mbagħad, f’dan il-proċess ta’ tiġdid mixtieq mill-votanti, tħalla barra mill-Parlament Oliver Scicluna, żagħżugħ mimli enerġija li kemm-il darba tkellem kontra n-nepotiżmu, il-partiġġjaniżmu u stil ġdid ta’ politika.

More in Elezzjoni 2022