'Għamluli ħajti infern' - Mario Galea jitkellem dwar id-deċiżjoni li jirtira l-kandidatura tiegħu

Huwa ċaħad dikjarazzjonijiet li saru mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li kien hemm kunsens biex hu u Deputati oħra ma jkunx kandidati biex jagħmlu spazju għal nies ġodda

“Għamluli ħajti infern.” Hekk saħaq l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea meta tkellem bla kantunieri dwar ir-raġunijiet li wasluh biex ma jkunx kandidat għall-elezzjoni ġenerali.

Fil-fatt, f'kummenti ma' MaltaToday, Galea ċaħad dikjarazzjonijiet li saru mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li kien hemm kunsens biex hu u Deputtai oħra, ma jkunux kandidati.

Fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista ra erba’ Deputati jirtiraw il-kandidatura tagħhom. Apparti Galea, irtiraw ukoll Kristy Debono, Clyde Puli u Claudio Grech. Grech ħabbar dan ilbieraħ stess waqt attività taħt it-tinda fil-Belt Valletta.

Meta kien qed jitkellem waqt l-istess attività, Bernard Grech ta x’jifhem li wara d-deċiżjoni ta’ dawn l-erba’ Deputati kien hemm il-kunsens waqt li saħaq li dawn riedu jagħtu spazju għal nies ġodda biex il-PN ikompli jiġġedded u jirriġenera lilu nnifsu.

“Diġà kelli l-kampanja ppreparata. Ħadt ir-ritratti u kont bdejt il-home visits,” saħaq Galea mal-MaltaToday. “Għamluli ħajti inferm. Persuni viċin it-tmexxija saħansitra kienu jsemmuli s-saħħa mentali tiegħi.”

Insista li Bernard Grech, riċentament, kien staqsih jekk hux se jkun qed jagħmel home visits. 

“Kont qed nikkampanja imma żżejjed kollu żejjed. Ħassejt li kelli nitlaq,” insista.

Galea, li għandu 59 sena, kien elett għall-ewwel darba fl-1992. Fl-1996 ma kienx elett, imma reġa’ ġie elett fl-1998 u l-elezzjonijiet kollha li ġew wara.

More in Politika